Matul l-edizzjoni tal-wirja ‘Il-Ġawhriet Moħbija f’San Lawrenz’, li se tittella’ bejn il-Ġimgħa, 16, u l-Ħadd, 18 ta’ Mejju, il-viżitaturi se jkollhom iċ-ċans jiflu partijiet tal-kumpless parrokkjali li mhux soltu jkunu miftuħin għall-pubbliku fil-Knisja, bħad-Dar Kapitulari, il-Mużew, l-Oratorju, il-Kripti u l-Kampnar.
Dawn il-ġawhriet moħbija joffru titwila unika tal-istorja tal-Birgu u l-legat kontinwu tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Il-pubbliku hu mistieden jattendi waqt li tintalab donazzjoni ta’ €5 kull persuna, filwaqt li tfal taħt it-12-il sena jidħlu b’xejn.
L-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun waħda ta’ sinifikat peress li jaħbat l-460 anniversarju tal-Assedju l-Kbir tal-1565, mument ta’ importanza kbira fl-istorja ta’ Malta.
Il-wasla tal-Kavallieri ta’ San Ġwann fil-Birgu daħħlet era glorjuża billi din il-belt saret l-epiċentru ta’ waħda mill-akbar istituzzjonijiet Kristjani ta’ dak iż-żmien.
Dan il-legat tal-Birgu għadu fl-aqwa tiegħu llum, bit-tradizzjonijiet vibranti u folklor, anke wara l-isfidi ta’ Malta ta’ wara l-gwerra u b’popolazzjoni li qed tixjieħ. Dan il-wirt għadu jiġi ċċelebrat illum, inkluż meta barranin iżuru din il-belt tal-Kottonera.
ONE News tkellem mal-organizzatur tal-wirja, Lawrence Ellul, li spjegalna fid-dettall x’mistenni jara l-pubbliku li jirrikorri għal din l-edizzjoni.
“Dawn il-hidden gems hemm sensiela ta’ affarijiet li mhux soltu jkunu aċċessibbli għall-pubbliku, waħda minn dawn hi x-xabla li La Vallette uża waqt l-Assedju. Però hemm ukoll affarijiet oħrajn, għandek sintendi Mattia Preti, għandek il-pulptu li hu wieħed mill-iżjed pulpti famużi li hawn fl-Ewropa, għandek ukoll, imbagħad, il-gallarija tal-ordni. Imbagħad nibdew b’pitturi oħrajn Palladini, però l-aqwa pittura li għandna l-Birgu hi l-Palma Vecchio”.
Lawrence Ellul, Organizzatur
ONE News tkellem ukoll mal-Arċipriet tal-parroċċa, Carmel Busuttil.
“Imma trid tara mbilli ngħidlek, imma jien nindikalek u inti trid tiġi u tara u tapprezza, jien nieħu pjaċir meta smajt mis-sena l-oħra nesperjenza nies mill-Birgu, mela aħna għandna dawn l-affarijiet qatt ma konna nafu li għandna dawn l-affarijiet. Nies ikbar minni fl-età, jiġifieri, għax huma affarijiet fil-kxiexen msakkrin għax jibżgħu jisirquhom, moħbijin, mgħottijin, għax nibżgħu għalihom u dawn huma mumenti li wieħed jista jara u japprezza.”
Carmel Busuttil, Arċipriet, San Lawrenz