F’dan iż-żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa, is-Soċjetà Mużikali Marija Bambina Banda Vittorja, Naxxar qed ittella’ wirja artistika b’diversi statwi u figuri minn kollezzjonijiet privati min-Naxxarin stess.
F’din il-wirja, bl-isem ta’ YESHUA, fid-dell tal-ħarsa tiegħu, hemm ukoll abbozzi t’artisti differenti fosthom l-artist Naxxari Jennigs Falzon, kif ukoll xeni relatati ma’dan iż-żmien sagru.
B’din il-wirja, is-soċjetà mużikali qed iżomm l-impenn tagħha ta’ wirja tal-ġimgħa l-kbira, kull sena.
Jeremy Bellia, wieħed mill-organizzaturi ta’ din il-wirja spjega li l-ħidma bdiet minn wara l-Milied fejn bdew jitkellmu man-Naxxarin biex jgħaqdu x-xogħlijiet kollha f’daqqa.
“Għal bidu kienet diffiċli, għax rridna nitkellmu ma ħafna nies fejn huma kollha kollezzjonijiet privati, fejn ikun hemm minn jaċċetta mill-ewwel, anke minħabba sigurtà. Sibna l-koperazzjoni ta’ ħafna nies u irnexxilna nagħmlu wirja ta’ ħafna artisti.”
Fil-wirja, wieħed isib xogħlijiet riċenti kif ukoll antiki.
“Iddeċidejna li nħaltu x-xogħlijiet, fejn hawn xogħlijiet antiki, xogħlijiet ta’ abbozzi. Hawn xogħol ta’ 3 ġenerazzjonijiet tal-familja Cauchi, fejn nibdew min-nannu. Hawn xogħol antik fejn hawn kurċifissi ta’ seklu 18 u seklu 19. Hawn taħlit ukoll ta’ xogħol Malti”.
Il-Wirja qed tittella fis-swali tal-istess sede u hija miftuħa kuljum sa Ħadd il-Għid.