Fis-Sala Marija Reġina fil-Marsa, il-Pageant Group Marija Reġina qed itella’ wirja artistika, b’xogħol maħdum minn melħ ikkulurit, bl-isem ‘Vita Christi’.
F’din il-wirja, wieħed jista’ jara x-xogħol rikk u preċiż tal-membri ta’ din l-għaqda mifruxin fuq jiem sħaħ biex jinħadmu platti u inkwatri maħdumin bil-melħ u ddisinjati bl-għaġin u l-għads, flimkien ma’ wirja ta’ persunaġġi fuq inkwatri ddisinjati bl-istess melħ ikkulurit.
ONE News segwa l-aħħar preparamenti qabel fis-17 ta’ Marzu tinfetaħ għall-pubbliku.
F’kumment li tana ċ-Chairman tal-għaqda, Martin Calleja, hu spjega x-xogħol li l-membri jagħmlu matul dan iż-żmien biex jippreparaw għal wirja bħal din.
“Bħalissa qed nippreparaw għall-wirja artistika, kif qed taraw, dak ix-xogħol kollu maħdum bil-melħ ikkulurit. Sodisfazzjon għandna żgħażagħ u għandna adulti wkoll jaħdmu. Hu xogħol rikk u ta’ paċenzja.”
Waqt iż-żjara li għamilna, ħadna l-opportunità wkoll nitkellmu ma’ Julia Mizzi ta’ għaxar snin, li hi l-iżgħar membru preżenti taħdem dan ix-xogħol, fejn saħqet għalxiex togħġobha din is-sengħa u arti.
“Jiena nħobbu dan ix-xogħol, għax qed tagħmel xi ħaġa differenti milli nikteb fuq karta u qatt ma pprovajtha din u vera togħġobni, għax tista’ tpoġġi l-affarijiet u tista’ tagħmel bil-kuluri u minn kollox, anke bil-melħ.”
Min-naħa l-oħra, Fra Charlie Azzopardi ta’ 58 sena, l-akbar membru tal-għaqda, li wkoll kien għaddej b’ħidmietu, qalilna li dan ix-xogħol ilu jagħmlu għal numru ta’ snin.
“Jiena tfuliti mill-Belt, tfuliti trabbejt Ta’ Ġieżu, il-knisja l-Belt, jiġifieri l-Ġimgħa l-Kbira dejjem kienet hemm, imbagħad meta ġejt hawnhekk 28 sena ilu kienu qaluli li qed issir din il-wirja u ħajruni niġi hawn. Kien hawn Mario Bonnici, li kien il-fundatur li bdieha hu, u beda jurini kif nagħmel dan ix-xogħol, u minn dakinhar ’l hawn bqajt għaddej. Inħobbu ħafna dan ix-xogħol jien, inkun qed nistennieh minn żmien qabel, ngħidu aħna kważi kważi nibdew nippreparaw minn qabel il-Milied bħala tpinġija bil-lapes.”
Din se tkun il-35 sena li se tkun qed tittella’ wirja ta’ din ix-xorta fil-Marsa u Calleja appella biex il-pubbliku ma jitlifx din l-opportunità li jara l-esebizzjoni ta’ dan ix-xogħol.
“L-appell tiegħi hu biex tiġu żżuruha din il-wirja. Il-wirja tiftaħ il-Ħadd 17 ta’ Marzu u tibqa’ sejra sa Sibt il-Għid. Miftuħin kuljum, u Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira nagħmlu ħin twil miftuħin.”
Din il-wirja se tkun miftuħa bejn is-6:00 u l-10:00 ta’ filgħaxija.