Id-Deputat Speaker Ċensu Galea llejla fetaħ wirja artistika b’risq id-Dar tal-Providenza li qed tittella’ fil-Parlament ta’ Malta. Huwa ta ġieħ lill-fundatur tad-Dar tal-Providenza, Monsinjur Mikiel Azzopardi li nissel fost il-Maltin u Għawdxin imħabba lejn il-persuni b’diżabilità u l-ħtieġa li huma jingħataw kura partikolari b’tant għożża.
Tul dawn il-wieħed u ħamsin sena, mit-twaqqif tagħha, id-Dar tal-Providenza, bl-għajnuna kontinwa tal-Maltin u l-Għawdxin, kibret minn Dar għad-Djar tal-Providenza, jiġifieri, Villa Monsinjur Gonzi, Villa Papa Giovanni u Villa Papa Luciani u erbgħat id-djar fil-komunità. Dan l-iżvilupp kien ukoll segwit minn diversi servizzi lid-Dar tal-Providenza toffri lill-persuni b’diżabilità, servizzi li jvarjaw minn dawk ta’ terapija għal dawk edukattivi u żvilupp tal-ħiliet tar-residenti fi crafts u affarijiet oħra. Dan kollu jirrifletti l-ħsieb u x-xewqa ta’ Monsinjur Azzopardi lil dawn “il-ward t’Alla”, kif hu kien tant iħobb issejjiħlhom, jingħataw kull għajnuna u opportunità sabiex jimxu ’l quddiem fil-ħajja u anke jkunu ta’ kontribut siewi lis-soċjetà tagħna.
Id-Deputat Speaker radd ħajr lill-artisti Maltin u Għawdxin tal-ġenerożità tagħhom bl-għotja tal-opri tal-arti tagħhom b’risq id-Dar tal-Providenza. Hu talab sabiex il-poplu Malti u Għawdxi jagħraf jagħmel aktar użu sew tal-ġid mogħti lilu mingħand Alla biex, fost affarijiet oħra, ikompli isostni lid-Dar tal-Providenza u jissodisfa l-ħtiġijiet taż-żgħar u l-fqar fis-soċjetà tagħna.
Preżenti wkoll kienu s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Justyne Caruana, il-Whip tal-Gvern Godfrey Farrugia u l-Membru tal-Oppożizzjoni Frederick Azzopardi.
Din il-wirja artistika b’risq id-Dar tal-Providenza ser iddum miftuħa sas-26 ta’ Diċembru 2016. Il-pubbliku jkun jista’ jżur din il-wirja, matul il-ġimgħa, bejn 09.00 ta’ filgħodu u t-20.00 ta’ filgħaxija u matul is-Sibtijiet u l-Ħdud bejn id-09.00 ta’ filgħodu u 12.00 nofsinhar.