Fl-Iskola Sekondarja Verdala tal-Kulleġġ Santa Margerita f’Bormla bħalissa għaddejja wirja mill-istudenti bit-tema tal-Belt Valletta bħala l-Belt Ewropea tal-Kultura. Din il-wirja annwali ilha ssir mis-snin 80 u hija popolari u mistennija mill-istudenti.
Biex issir din il-wirja, l-istudenti kellhom bosta żjarat fil-Belt Valletta biex ittieħdu ritratti minnhom stess u anke tgħallmu dwar bini storiku u ta’ importanza li nsibu fil-kapitali.
Studenti minn 17-il suġġett ippreparaw bosta proġetti b’temi u aspetti speċjalizzati dwar il-Belt Valletta, fosthom anki fit-teknoloġija. Din infetħet mill-Onorevoli Deo Debattista, Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u għall-Valletta 2018.
Din il-wirja hija ikkoordinata minn grupp ta’ 5 għalliema mmexxija mis-Sinjura Rita Debattista u hija miftuħa għall-pubbliku sal-Ġimgħa 20 t’April bejn id-9 ta’ filgħodu u s-1 ta’ waranofsinhar.