Kitarist, kantant, artist li dejjem żamm profil baxx iżda l-kontribut għall-mużika ma jħassru ħadd.
Chris Scicluna, Slimiż li dejjem nafuh ikanta ma’ martu Moira, miet fl-età ta’ 62 sena.
Fuq Facebook, martu Moira ħabbret li tilfet lil żewġha, l-akbar ħabib tagħha u missier binthom Michela.
William Mangion li jaf lil Chris Scicluna u kien wieħed minn dawk li jaf il-bidu ta’ Scicluna qalilna aktar dwar l-artista Chris Scicluna.
Qal, “Min jaf lil Chris u l-mużika tiegħu, kien mużiċist tassew tajjeb, kitarrist tajjeb ħafna. Kien ukoll kompożitur. Kien raġel kwiet, u ovvjament kien iħobb il-mużika rock li kont inħobb jien, allura kk konna naqsmu ħafna ħin flimkien grazzi għall-mużika.”
Chris flimkien ma’ Moira kienu fuq il-palk ma’ William Mangion fil-Eurovision Song Contest tal-1993 meta Malta marret bil-kanzunetta ‘This Time’.
Sena wara Chris u Moira marru għall-Eurovision b’’More Than Love’ u kisbu l-ħames post.
William Mangion qalilna kif huwa nħasad meta sema’ bl-aħbar tal-mewt ta’ sieħbu Chris.
Qal, “Insellem lil Moira, mart Chris, u lil binhom Mikela, li jiddispjaċina ħafna ta’ dan li ġralhom fil-familja. Nittama li jżommuni f’saħħti. Il-Mulej magħhom u l-ħajja tkompli, lil Chris ħa nimmisjawh fil-ħajja mużikali kif ukoll bħala persuna.”
Kienu bosta li sellmu l-memorja ta’ Chris, li propju miet fil-jiem li qed jiġi organizzat il-festival li bih Malta se tagħżel il-kanzunetta għall-Eurovision li ġej.