L-attur Will Smith ġie sospiż mill-Oscars u avvenimenti oħra tal-Akkademja għal għaxar snin minħabba d-daqqa ta’ ħarta li ta lill-komiku Chris Rock wara li dan għadda kummenti dwar il-mara tiegħu Jada Pinkett Smith.
Fi stqarrija, l-Akkademja qalet li l-94 edizzjoni tal-Oscars ma spiċċatx fuq nota tajba minħabba l-imġieba inaċċettabli minn Smith fuq il-palk.
L-istqarrija kompliet tgħid kif il-ġimgħa li għaddiet Smith skuża ruħu għall-azzjonijiet tiegħu u rriżenja mill-Akkademja.
Ingħad li s-sospensjoni ta’ Will Smith ittieħdet biex l-artisti u l-mistiedna jħossuhom aktar protetti u l-Akkademja terġa tingħata l-fiduċja.
L-Akkademja tenniet li fil-ħin tal-inċident ma kinitx indirizzat is-sitwazzjoni bl-aħjar mod, u li ma kinitx ippreparata għal din is-sitwazzjoni, u għalhekk talbet apoloġija.