Myles Sanderson ta’ tnejn u tletin sena u kien is-suspettat ewlieni wara attakk fil-Kanada li ħalla għaxra mejta u tmintax oħra midruba miet fi sptar.
Huwa ġie arrestat wara ġirja bil-karozzi hekk kif pprova jaħrab permezz ta’ vettura misruqa u li kien qiegħed isuqha b’veloċitajiet eċessivi.
Wara li ġie arrestat Sanderson kellu jittieħed għal kura medika minħabba l-qagħda tiegħu. Huwa ġie ċċertifikat mejjet fi sptar fejn kien qiegħed jiġi rikoverat. S’issa l-kawża tal-mewt tiegħu għadha mhux magħrufa.
Sanderson attakka lil vittmi innoċenti permezz ta’ daqqiet ta’ sikkina nhar l-4 ta’ Settembru dakinhar il-Pulizija Kanadiża qalet kif wħud mill-vittmi setgħu kienu fil-mira tal-aggressuri waqt li oħrajn ġew attakkati għax inzertaw fil-post fejn kien hemm is-suspettati. Il-vittmi nstabu fi 13-il post differenti f’James Smith Cree Nation u fir-raħal qrib ta’ Weldon.
Huħ Damien Sanderson ta’ wieħed u tletin sena wkoll kellu rabtiet ma’ dan l-attakk u nstab bla ħajja fl-istess villaġġ.
Il-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau ddeskriva l-attakk bħala orribbli u ta’ qsim il-qalb. Qal li dawk responsabbli għal dan l-attakk iridu jiffaċċjaw il-ġustizzja.