Mal-1,000 student u studenta minn Għawded qed ikomplu l-istudji fl-Università ta’ Malta, kważi wieħed minn kull ħames tal-ppolazzjoni Universitarja, qalu studenti Għawdxin lil-ex Prim Ministru Alfred Sant. Rappreżentanti tal-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG) qasmu l-ambizzjonijiet u d-dwejjaq tagħhom mal-MEP f’laqgħa informali li matulha semmew il-problemi ta’ konnettività bejn Għawdex u Malta, opportunitajiet ta’ xogħol f’Għawdex, spejjeż ogħla għal akkomodazzjoni u t-trasport pubbliku bejn iċ-Ċirkewwa u Malta.
L-istudenti Għawdxin innotaw li hemm opportunitajiet ta’ xogħol fil-qasam tas-servizzi finanzjarji f’Għawdex. Tisħiħ fis-sistema tal-fibre optic jista’ jinkoraġġixxi presenza akbar ta’ dan is-settur f’Għawdex. Dwar il-mina proposta bejn Malta u Għawdex, qalu li anke jekk din tkun suċċess sa ma ssir ikunu spiċċaw l-istudji universitarji tagħhom. Ilmentaw minn karozzi tal-linja iffullati bejn iċ-Ċirkewwa u l-Università.
Alfred Sant qal li gżejjer żgħar bħal Għawdex għandhom bżonn l-għajnuna tal-istat. Din l-għajnuna ma taffettwax is-suq komuni Ewropew imma l-UE għadha ma tridx taqbel ma’ dan. Sant qal li jekk ikun elett fl-elezzjonijiet ta’ Mejju ikompli jiffoka fuq l-interessi ta’ Għawdex fl-Ewropa.
“Inkompli niffoka fuq Għawdex, fuq il-fondi li jista’ jgawdi minnhom Għawdex imma aktar minn hekk fuq proġetti li jgħinu lill-bdiewa, industriji żgħar u inizzjattivi favur l-artiġġjanat Għawdxi. Għan ewlieni jkun li kemm hu possibbli, il-politika Ewropea tas-Suq wieħed ma tlibbisx l-istess żarbun lil kulħadd.”
L-Unjoni Ewropea għandha bżonn strutturi li jagħtu nifs ġdid biex kommunitajiet żgħar bħal Għawdex ikomplu jiżviluppaw fuq il-gżira tagħhom. Id-depopulazzjoni fi gżejjer żgħar tkun irreversibbli jekk l-UE ma tippermettix miżuri eċċezzjonali li mhux bilfors jaqblu mar-regoli tal-UE.
“Anke illum bit-tkabbir kbir ta’ aktar minn 4% f’Malta, iż-żgħażagħ Għawdxin jgħiduli li m’għandhomx futur f’Għawdex.”
Sant tkellem favur intervent akbar tas-settur pubbliku mas-settur privat biex jinħolqu impjiegi ġodda fil-qasam diġitali, servizzi finanzjarji, intrapriżi tal-bdiewa u artiġġjani, servizzi tas-saħħa. Dan jista’ jreġġa’ lura d-depopolazzjonif’Għawdex, kemm meta l-eknomija tkun b’saħħitha u anke meta tkun anqas b’saħħitha.