Wieħed minn kull għaxart itfal ta’ bejn il-ħdax u s-sittax-il sena qed jirrappurtaw li esperjenzaw bullying serju onlajn. Dan ħareġ ċar minn rapport ippubblikat is-sena li għaddiet mill-Kummissjoni Ewropea bl-isem ta’ “Cyberbullying Among Young People” u li dwaru tkellmet il-President ta Malta, Marie Louise Coleiro Preca waqt li indirizzat konferenza fuq il-perikli diġitali bl-isem ta’ “Type in Love – Type out hate.”
Il-President ta’ Malta qalet li l-maġġoranza ta’ dawk affettwati mill-bullying qalu li dan wassalhom biex iħossuhom iddippressati b’aktar minn wieħed minn kull tlieta jgħid li saħansitra kkunsidraw li jagħmlu suwiċidju.
Il-President appellat li jeħtieġ li tittieħed azzjoni urġenti u effettiva, bl-ibbuljar onlajn anonimu sar fenomenu pjuttost ġdid li qiegħed isir dejjem aktar komuni. Fissret kif l-aħħar rapport bl-isem ta’ Measuring Media Literacy in the EU wera li huma biss erba’ pajjiżi Ewropej li għandhom media literacy policy żviluppata sew b’pajjiżna sfortunatament ikun wieħed mit-tliet pajjizi li m’għandux politika ta’ din ix-xorta.
Saħqet li jeħtieġ li jissaħħu liġijiet eżistenti li għandna u li l-adulti jieħdu responsabbiltà tal-kliem li jgħidu u l-azzjonijiet li jieħdu b’eżempju lejn it-tfal tagħna. Żiedet tgħid li għandna naħdmu flimkien biex madwar l-Ewropa jinħoloq pjan ta’ azzjoni ħolistiku mmirat għal solluzzjonijiet kemm fil-qosor u kif ukoll fit-tul tal-bullying. Minn naħa tagħha, il-Membru Parkamentari Ewropew Marlene Mizzi, li organizzat din il-konferenza , qalet li mal-50,000 ritratt ġdid ta’ tfal abbużati jittella’ fuq l-internet, fejn ta’ kull sena b’70% minnhom ikunu tfal taħt l-għaxar snin. Saħqet li l-kwistjoni ta’ cyberbullying m’għandiex tintefa’ taħt it-tapit u li l-isfidi li qed iġġib magħha d-dinja teknoloġika għandna nindirizzawhom mill-aktar fis.