Kwart tal-adulti f’pajjiżna ħadu minn tal-inqas l-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19.
Dan intqal mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fil-Parlament, li qal kif 11% tal-popolazzjoni ħadet it-tieni doża tal-vaċċin.
Id-Deputat Prim Ministru qal kif disgħin fil-mija tal-anzjani li għandhom tmenin sena jew iżjed ħadu ż-żewġ dożi tal-vaċċin kontra l-Coronavirus.
Id-Deputat Prim Ministru qal kif 70% tal-persuni vulnerabbli li għandhom mard kroniku wkoll tlaqqmu.
Il-Ministru għas-Saħħa qal ukoll kif dawk li għandhom ‘il fuq minn 75 sena u li għadhom ma rċievewx l-invit sabiex jieħdu t-tilqima għandhom iċemplu fuq in-numru 145.
Qal ukoll kif sa għaxart’ijiem oħra, se jkunu ntbagħtu l-inviti kollha għal dawk minn sittin sena ’l fuq.
Żied jgħid li sal-aħħar tax-xahar id-dieħel se jkun tlaqqmu l-anzjani u l-vulnerabbli kollha.
Qal, “La darba nlestu n-nies ta’ fuq is-60 sena kollha, allura ħa noħorġu sejħa biex min għandu bejn 55 u 59 sena, issa din inħabbruha f’aktar dettall, jirreġistraw magħna għat-tilqima. Kif jistgħu jirreġistraw? Ħa jkunu jistgħu jirreġistraw jew online, se noħorġu d-dettalji ta’ kif wieħed jirreġistra online jew billi jibgħat SMS.”
Hawnhekk, id-Deputat Prim Ministru semma kif pajjiżna se jkun minn tal-ewwel fid-dinja li se jlaqqam persuni ta’ din l-età iżgħar b’din it-tilqima.
Saħaq kif se jkun qed jinfetaħ ċentru ieħor fit-tramuntana tal-pajjiż, ġewwa l-Higher Secondary fin-Naxxar u qal ukoll kif madwar mitt tabib tal-familja se jkun qed ilaqqmu lil dawn in-nies fil-kliniċi privati tagħhom.
Chris Fearne qal kif studju wara ieħor qed juri li t-tilqim qed jaħdem kontra dan il-virus.
Fil-Parlament, id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll tibdil fir-regola tal-kwarantina għall-ħaddiema tas-saħħa.
Spjega li, “Dawk il-persuni li huma healthcare workers, li huma mlaqqmin u ħadu t-tieni doża u ilhom minn tal-inqas ħmistax-il ġurnata li ħadu t-tilqima, jekk jiltaqgħu ma’ każ pożittiv u jekk ma jkollhomx każ u jekk ma jkollhomx sintomi huma, m’għandhomx joqgħodu kwarantina għal ħmistax sħaħ, imma jridu joqgħodu kwarantina għal ħamest’ijiem u jekk wara ħamest ijiem isirilhom test u jkun negattiv jistgħu joħorġu minn kwarantina.”
Id-Deputat Prim Ministru appella li hekk kif neżlin in-numri ta’ persuni attivi bil-virus, kulħadd irid jibqa’ kawt u josserva r-regoli.
Qal kif, “U allura issa, aktar minn qatt qabel irridu noqogħdu attenti kif qed naraw in-numri kkalmaw naqa f’pajjiżna, ma nagħmlux l-iżball li naħsbu li għadda kollox. Ma nagħmlux l-iżball illi ngħidu li issa minn għada kulħadd jista’ jerġa jagħmel li jrid, il-miżuri ninsewhom, għax dak ikun żball li ma nkunux tgħallimna minnu.”