Fil-Qorti, Joseph Zammit, li qed iservi sentenza ta’ 30 sena ħabs wara li f’ġuri nstab ħati b’kompliċità fil-qtil ta’ messaġġier tal-Bank of Valletta fis-sena 2000, sostna li nkisru d-drittijiet fundamentali tiegħu waqt il-proċeduri kriminali kontrih u talab lil-ġuri jerġa’ jsir mill-ġdid.
Il-messaġġier, Alphonse Ferriggi, inqatel kiesaħ u bieraħ meta kien qiegħed jiddepożita xi dokumenti qabel infetaħ il-bank u l-ħallelin ħasbu li kien qiegħed iġorr il-flus.
Richard Grech, magħruf bħala ‘Iz-Zinanna’, u Joseph Zammit ġew akkużati bil-qtil ta’ Ferriggi.
Fuq dan il-każ, Grech ġie ikkundannat għal għomru il-ħabs.
Fir-rikors kostituzzjonali mressaq mill-avukat tiegħu, Zammit qed jitlob li dan il-każ jerġa’ jinstema’ billi argumenta li ma kienx ikkonsulta lill-avukat tiegħu qabel ma ġie interrogat mill-pulizija.
Kompla jgħid li, minħabba f’hekk, Zammit kien għamel żewġ dikrazzjonijiet li jinkriminawh.
Zammit qed isostni wkoll li nkisru d-drittijiet tiegħu għal proċess ġust, bin-nuqqas ta’ dokumentazzjoni adegwata tal-provi kontrih.