L-ewwel vuċi li nstemgħet fuq ONE Radio kienet ta’ Tony Camilleri.
Ma’ Tony Camilleri, permezz ta’ telecel ingħaqad b’mod dirett Ray Azzopardi, mill-Ħamrun, fejn kienet qed tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Gejtanu.
L-istorja kienet inkitbet u ma waqfet qatt.
Tletin sena ilu bdiet familja li twessgħet sew mas-semmiegħa leali li żammew dan l-istazzjon bħala l-iktar favorit u popolari għal tletin sena konsekuttivi.
Illum fl-istudio ta’ ONE Radio reġgħu ngħaqdu wħud minn dawk li kienu tal-ewwel li taw sehemhom f’dan l-istazzjon.
Fi programm speċjali rrakkontaw l-esperjenzi u sellmu wkoll dawk li ħadmu u taw saħħithom għal dan l-istazzjon tul is-snin, fosthom anki wħud minn dawk li llum m’għadhomx magħna.
Iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ ONE, Jason Micallef tkellem fuq in-nies li sawwru dan l-istazzjon u li llum imxew ’il quddiem.
Huwa stqarr: “L-ikbar stazzjon u l-aktar stazzjoni popolari fil-gżejjer Maltin. Qas temmen li għaddew 30 sena imma fl-istess waqt meta tħares lura u tħares lejn il-preżent tara sens ta’ kburija u sens ta’ suċċess. One Radio serva għal opportunitajiet kbar lill-bosta artisti, preżentaturi. Preżentaturi li bdew minn dan l-istazzjon u li beda assolutament mix-xejn. Illum spiċċaw Ministri, membri parlamentari, artisti, għandhom kumpaniji privati tagħhom nfushom.”
L-ewwel Kap ta’ ONE Radio u li dam imexxih għal aktar minn għoxrin sena llum reġa’ kien fostna, fil-post fejn twieled dan l-istazzjon.
Meqjus bħala missier ONE Radio u ta’ bosta xandara permezz tal-pariri siewja tiegħu, Ray Azzopardi tkellem ma’ ONE News fuq dak li xandar tul is-snin ir-radju ta’ ONE.
Huwa qal, “Kien ukoll stazzjon li kien wens, xandiriet 24 siegħa kuljum, kienet xi ħaġa wkoll li kienet ferm ta’ sfida biex l-istazzjonijiet li bdew b’mod daqstant żgħir jikbru u jkunu stazzjonijiet li jwasslu daqstant programmi ta’ divertiment, programmi ta’ informazzjoni u programmi ta’ edukazzjoni. Kienu wkoll stazzjonijiet li kienu ta’ pjattaforma għall-arti Maltija, lit-talent Malti, lill-isportiv Malti. Naħseb li kelma waħda hemm, grazzi ħafna lil kulħadd.”
Anki l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ħa l-okkażjoni biex irringrazzja lill-ħaddiema kollha ta’ dan l-istazzjon, tas-servizz u l-impenn tagħhom.
Huwa sostna li dawn it-30 sena kienu possibbli permezz tal-ħidma ta’ mijiet ta’ persuni, ħafna minnhom volontiera, li ddedikaw ħinhom mhux biss biex jitwassal il-messaġġ politiku imma anke biex jippromwovu diversi aspetti tal-ħajja soċjali f’pajjiżna u t-talent lokali fost oħrajn.
Matul il-jum ma naqasx ukoll li eks ġurnalisti ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet qraw il-bullettini u l-aġġornamenti tal-aħbarijiet fuq ONE Radio.
Illum tletin sena wara ma nħarsux biss lura lejn dak li nkiseb iżda nħarsu ’l quddiem mhux biss għal tletin sena oħra iżda għal iktar.
Bl-isfond tal-mużika tal-grupp rock Amerikan Starship, li kienet l-ewwel kanzunetta li ndaqqet fuq ONE Radio, dan l-istazzjon beda biex jibqa’.
Ad multos annos ONE Radio.