Wieħed mill-allegati ħallelin minn ġojjellerija f’Ħ’Attard ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet b’rabta ma’ serqa li seħħet f’Ottubru.
Josuel Farrugia ġie ordnat iħallas depożitu ta’ €2,500 u garanzija personali ta’ €10,000 u anke jrid jiffirma f’għassa tal-pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa.
Dan hekk kif il-Ġimgħa kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Farrugia ta’ 40 sena mill-Qrendi u Anthony Rapa ta’ 52 sena mill-Imtarfa.
Iż-żewġ imputati jinsabu mixlija li serqu ġojjelli b’valur ta’ erba’ mitt elf ewro.
F’din is-seduta ntqal kif Anthony Rapa ma setax jattendi minħabba li jinsab fi kwarantina.
Waqt il-kumpilazzjoni, xehed sid il-ħanut fejn qal li dakinhar tas-serqa kien imsiefer u qal lil manager tal-ħanut biex tiċċekkjalu l-uffiċċju u biex tara jekk is-safe hux miftuħ.
Intqal kif il-ħanut ma kienx mgħasses sew, hekk kif ma kienx hemm alarm iżda kien hemm kameras tas-sigurtà.
Ix-xhud qal kif l-imputati allegatament battlu kollox u anke s-safe qalgħu minn postu.
Intqal kif fis-safe kien hemm madwar ħamsin elf ewro fih u diversi oġġetti li jiswew aktar minn mitejn elf ewro.
Ħaddiem li jaħdem ma’ dan il-ħanut qal kif huwa daħal għax-xogħol filgħodu u sab il-ġenn fl-uffiċini.