Jesper Kristiansen, it-tielet raġel li jinsab mixli bil-qtil doppju f’Tas-Sliema, f’Awwissu ta’ erba’ snin ilu, se jkun qed jiskonta piena ta’ 40 sena ħabs wara li ammetta li kien involut fl-istess omiċidju.
Kristiansen, li huwa Daniż u li għandu 33 sena, ġie estradit lejn Malta minn Spanja f’Novembru tal-2020.
Il-vittmi f’dan il-każ, Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski, inqatlu b’tiri ta’ arma tan-nar. L-omiċidju seħħ waqt pjan ta’ serqa fir-residenza tagħhom f’Tas-Sliema.
Waqt seduta dwar dan il-każ quddiem l-Imħallef Natasha Galea Sciberras, l-Avukat Stefano Filletti infurmaha li ntlaħaq qbil bejn id-difiża u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li jammetti b’piena ta’ erbgħin sena ħabs minflok jgħaddi ġuri.
Dwar dan il-każ ta’ omiċidju se jgħaddu ġuri wkoll Daniel Muka u Viktor Dragomanski, wara li nstabu biżżejjed provi kontrihom.