Wieħed mit-tlett irġiel akkużati li qatlu lil Joseff Rivas f’Diċembru li għadda, qal lill-Pulizija li hu stess rema s-sikkina li ntużat fil-ġlieda.
Ilie Constantin ta’ wieħed u tletin sena, u żewġ kuġini tiegħu Ionut Iulian Tanase ta’ ħamsa u tletin sena u Dan-Andrei Tanase ta’ tnejn u tletin sena, qed iwieġbu mhux ħatja għall-omiċidju, li allegatament seħħ minħabba ġlieda li nqalgħet ma’ Rivas u żewġt iħbieb tiegħu fil-ħamsa ta’ Diċembru li għadda.
Informazzjoni li nġabret minn fuq ix-xena tar-reat indikat li Rivas u żewġt irġiel oħra, avviċinaw lit-tliet akkużati li kienu qed jixorbu ftit ’il bogħod minn fejn seħħ il-każ.
Huwa mifhum li l-argument inqala’ minħabba kwistjonijiet ta’ prostituzzjoni.
It-tliet suspettati aggressuri telqu minn fuq ix-xena tar-reat u qabdu taxi lejn is-Swieqi.
Ftit wara li seħħ il-każ, spettur kien xhed li l-vittma qala’ tmienja u għoxrin daqqa ta’ sikkina fi ġlieda li damet biss żewġ minuti.
Quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, uffiċjal mill-Iskwadra tal-Omiċidji xehed li l-għada tal-omiċidju, huwa mar f’appartament f’San Ġiljan viċin il-post fejn seħħ il-qtil flimkien ma’ wieħed mill-akkużati.
Fih, il-Pulizija sabu xi demm fil-kċina. Minn ġo fih ħadu libsa intiera griża mċappsa bid-demm u kaxxa ta’ iPhone.
L-uffiċjal xehed ukoll li Ionut spjega lill-Pulizija li hu stess kien rema s-sikkina li ntużat waqt il-ġlieda.
Il-każ ikompli f’Settembru.