Meta, quddiem il-Maġistrat Nadine Lia, kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra tliet persuni b’rabta mal-qtil ta’ Josef Rivas, intqal li waqt li eks tfajla ta’ wieħed mit-tliet akkużati kienet tinsab mal-pulizija, kienet qed tirċievi messaġġi mingħandu biex tibbukkjalu t-titjiriet.
Rivas kien miet fl-Isptar Mater Dei, wara li fil-5 ta’ Diċembru li għadda, qala’ daqqiet ta’ sikkina f’Paceville.
L-Ispettur Wayne Camilleri mill-Iskwadra tal-Omiċidji qal li l-għada li seħħ id-delitt, it-tliet akkużati marru l-għassa ta’ San Ġiljan u qalu li kienu qed jipproteġu lilhom infushom. Waqt tfittxija fi flat f’San Ġiljan, ġie nnutat demm ma’ kullimkien u saħansitra nstabet hoodie li kienet inħaslet mid-demm qabel intremiet.
Barra minn dan, l-Ispettur Camilleri xehed li Tanase, wieħed mill-akkużati, ħa lill-pulizija f’appartament ieħor fis-Swieqi, fejn intqal li s-sikkina li ntużat fil-qtil kienet intremiet fix-xaft imma baqgħet ma nstabitx.
L-ispettur Brian Xuereb, mill-għassa ta’ San Ġiljan, xehed li kien infurmat li, waqt ġlieda bejn erbat irġiel, wieħed minnhom spiċċa mimdud mal-art filwaqt li t-tliet akkużati ħarbu minn fuq il-post. Huwa semma li dakinhar, b’informazzjoni li daħlet lill-Pulizija, sar magħruf li kienu jużaw xi flats għall-prostituzzjoni. Issemma wkoll li l-pulizija saret taf li s-supettati kellhom f’rashom li jaħarbu minn Malta. Xuereb qal li t-tfajla kienet intalbet biex tikkopera billi tixtrilhom il-biljetti tal-ajru ħalli b’hekk ikunu jistgħu jiġu arrestati. Madankollu, is-suspettati taw ruħhom b’idejhom.
L-avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi, Charmaine Cherret, u Jacob Magri qed jidhru għat-tliet akkużati filwaqt li l-Prosekuzzjoni hija magħmula mill-avukati Darlene Grima u Kaylie Bonnett u l-Ispetturi Kurt Zahra u Wayne Camilleri.
Il-każ se jkompli jinstema’ x-xahar id-dieħel.