Il-vapur tal-kontejners ‘MSC Sveva’ b’kapaċità li jġorr aktar minn 19,000 kontejner illum daħal għall-ewwel darba fil-Malta Freeport.
L-‘MSC Sveva’ huwa wieħed mill-akbar vapuri tal-kontejners fid-dinja u l-akbar vapur li qatt daħal fil-Malta Freeport. Dan kien biss possibli għall-viżjoni għaqlija u l-investiment kontinwu li l-Kumpanija tagħmel biex tkun tista’ tilqa’ dan id-daqs ta’ vapuri. Sabiex jinħadem dan il-vapur f’Malta kien jeħtieġ fond biżżejjed ta’ baħar, cranes ta’ l-aħħar ġenerazzjoni li huma fost l-ikbar fil-Mediterran u l-aħħar u mhux l-inqas, taħriġ lill-ħaddiema biex joperaw dawn il-cranes ġodda.
Malta Freeport Terminals Limited innotat li minflok qed tissemma għall-investimenti kbar li hija għamlet f’dawn l-aħħar snin kemm fil-lat operativ kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam żviluppi ambjentali, hija spiċċat ballun politiku.
Il-Kumpanija qed tieħu nota u ssegwi mill-qrib dak li qed jingħad biex tkun tista’ tevalwa l-futur tagħha u tal-impjegati kollha diretti u indiretti tagħha.
Il-Kumpanija f’dan l-istadju qed tanalizza diversi possibiltajiet ta’ żvilupp, inkluż automation, bħala alternattiva biex tipprova tibqa’ kompettitiva fid-dawl tar-restrizzjonijiet li qed jissemmew.