Karozza bi pjanċi foloz instabet fil-pussess ta’ Robert Agius, wieħed mill-aħwa tal-Maksar, li qed jaffaċċjaw proċeduri kriminali.
Dan ħareġ mix-xhieda ta’ Spettur tal-Pulizija, hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni kontra l-aħwa Adrian u Robert Agius, Jamie Vella u George Degiorgio magħruf bħala ċ-‘Ċiniż’.
L-aħwa tal-Maksar qed jiġu akkużati li fornew il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia, u George Degiorgio qed jaffaċċja akkużi separati dwar l-istess delitt flimkien ma’ ħuh Alfred Degiorgio magħruf bħala ‘il-Fulu’.
Adrian Agius tal-Maksar qed jiġi akkużat wkoll li kkummissjona l-qtil tal-Avukat Carmel Chircop fl-2015, filwaqt li Jamie Vella u George Degiorgio qed jiġu akkużati li huma l-eżekuturi fil-qtil tal-Avukat Chircop.
Fix-xhieda tiegħu, l-ispettur Wayne Camilleri ta’ lista ta’ vetturi u pjanċi tal-liċenzja li huma irreġistrati fuq l-aħwa tal-Maksar.
Huwa spjega li Robert Agius qal li l-vettura li għanda pjanċi foloz ma kinitx qed tintuża u kienet ta’ valur sentimentali peress li kienet ta’ missieru.