Fil-jum internazzjonali tal-kliewi, ONE News iltaqa’ ma’ Alies Abdulhadi ta’ tnejn u tletin sena li erba’ snin ilu ngħata trapjant tal-kliewi mingħand ħuh stess.
Qal, ”Grazzi għall-ħija kien id-donatur tiegħi u tani l-kilwa tiegħu.”
Alies spjegalna kif beda jħoss ħafna sintomi għaliex dam ma aċċetta li kellu problema fil-kliewi u għalhekk dam ma fittex l-għajnuna professjonali medika. Sostna li kien iħossu dejjem għajjien, beda jinbidilu l-kulur tal-ġilda u xagħru. Kien hawnhekk li mar għand it-tabib u rriżulta li kien qed ibati b’mard fil-kliewi.
Alies fissrilna wkoll kif ħajtu nbidlet għall-aħjar minn meta lura fl-elfejn u sittax ingħata t-trapjant.
Qal kif, “Id-differenza hija kbira issa qed ngħix kważi ħajja normali, niekol u nixrob normali, m’hemmx bżonn il-magna tad-dialysis bħal qabel. Inħossni li għandi enerġija ħafna akbar milli kelli waqt id-dialysis għax inti bid-dialysis tonqoslok l-enerġija tiegħek. Jiġifieri, il-ħajja tiegħi nbidlet bil-kbir u għall-aħjar ovvjament, qed inħossni iktar healthy u iktar b’saħħti.”
Apparti Alies, tana esperjenza oħra John Grima li tnejn u għoxrin sena ilu ta kilwa lill-martu, li kellha kundizzjoni fil-kliewi. John huwa involut ukoll fit-Transplant Support Group ta’ Malta.
John irrakkontalna l-istorja tiegħu u ta’ martu u kif hu ta t-trapjant tal-kilwa lil martu
Spjega, “By 1995 spiċċawlha għalkollox il-kliewi. Għamlet xi 10-12 years taħdem b’kwart ta’ kilwa waħda u baqgħet taħdem full-time job u kollox. Fin-1995 spiċċawlha l-kliewi marret fuq dialysis, jiena offrejt mill-ewwel biex jieħdu kilwa. Imbagħad fin-1998 għamilna l-operazzjoni u ħajjitna nbidlet għal ħafna ħafna aħjar. “
John qasam magħna l-ferħ indeskrivibbli li ħass meta ta kilwa u ħajja ġdida lil dik li ried iqatta’ l-kumplament ta’ ħajtu magħha.
Qal li, “Daqslikieku, kif iħossu missier meta mara twelled lit-tarbija, l-istess ħassejtni. Tajt ħajja lil xi ħadd, m’hemmx paragun ta’ xejn, tara bniedem qed jitħabat biex jgħix, f’daqqa waħda tajtu, għamilt xi ħaġa u dan il-bniedem jibda jgħix ħajja normali lanqas tista’ tispjega kif tħossok qisek tlajt il-ġenna ħa ngħid hekk jien hekk ħassejtni.”
John stqarr magħna li wara li sar it-trapjant hu u martu bdew jgħixu ħajja normali.
Alies u John, wieħed li rċieva kilwa u l-ieħor li salva ħajjet martu billi taha kilwa, kellhom kliem ta’ kuraġġ għal dawk il-pazjenti li qed jistennew trapjant u appellaw lin-nies biex jirreġistraw u jsiru donaturi tal-organi.
Abdulhadi qal, “Dawk in-nies li qed jistennew trapjant ngħidilhom kuraġġ li huma, they never give up, f’xi ħin se jasal li jieħdu trapjant u jagħmlu minn kollox and they fight.”
Grima qal, “Irreġistraw, irreġistraw, irreġistraw, u jekk għandkom il-kuraġġ tagħtu waqt li għadkom ħajjin aħjar.”