L-iskema mħabbra lbieraħ għall-eżenzjoni ta’ taxxa lil dawk li jagħmlu Masters u PhD hija wiegħda oħra mwettqa tal-Partit Laburista li l-Forum Żgħażagħ Laburista jilqa’ b’sodisfazzjon.
Il-Forum Żgħażagħ Laburista jinnota li din il-miżura hija waħda li minn dawk li mbotta l-istess Forum qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali u eventwalment sabet postha fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista.
Din l-iskema jistgħu japplikaw għaliha persuni taħt l-età ta’ 40 sena li jiddeċiedu li jagħmlu kors f’livell ta’ Masters jew PhD, MQF 7 u MQF 8. U għalhekk hija skema indirizzata b’mod esklussiv biex iż-żgħażagħ itejjbu l-ħiliet tagħhom.
L-FŻL jinnota li din mhux miżura iżolata tant li ftit tal-jiem ilu tħabbret ir-raba’ sejħa tal-iskema Endeavour fejn studenti li jistudjaw Masters u PhD jistgħu japplikaw u jingħataw grant biex jitħallas parti mill-istudju tagħhom.
Aħna kburin li l-qasam edukattiv qed jingħata prijorità assoluta għax dan hu wieħed mill-oqsma kruċjali biex inlestu Malta ta’ Għada