Raġel ta’ 33 sena minn Birkirkara baqa’ jinżamm arrestat wara li allegatament, ta xebgħa lill-eks sieħba tiegħu fuq il-post tax-xogħol.
Il-każ seħħ nhar it-Tnejn, meta r-raġel mar fir-ristorant fejn taħdem u ħebb għaliha quddiem sħabha tax-xogħol.
Ir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti biex tkun protetta l-identita tal-mara u t’uliedha, qed ikun akkużat li kkawża ġrieħi gravi lill-mara, li heddidha, u li anki hedded lill-Uffiċjali tal-Pulizija li ssejħu fuq il-post fejn seħħ il-każ.
Akkużi li għalihom wieġeb mhux ħati.
Meta l-Maġistrat ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, l-akkużat qal li din id-deċiżjoni mhux se tgħinu joħroġ mill-vizzju tax-xorb.
Il-Maġistrat irrimarkat li dan ġie kkunsidrat, u ordnat lid-Direttur tal-Ħabs biex jipprovdilu l-kura meħtieġa.
Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni lill-mara u lil uliedha.