Taljan li f’ pajjiżna żelaq minn soll tat-tieqa għal fuq tinda f’ lukanda u kkawżalha ħsara ddeċieda li jwieġeb ħati li kkawża ħsara volontarjament biex jitħalla jitlaq lura pajjiżu.
Għalkemm fil-bidu Sihel Zigai Sinahs wieġeb mhux ħati għaliex il-ħsara ma għamilhiex attapposta, bidel il-verżjoni tiegħu meta nduna li l-każ seta’ jkarkar ix-xhur.
Il-Qorti ma laqatx il-bidla fil-verżjoni tal-ħtija immedjatament għax qalet li jekk l-akkużat qal li żelaq, l-inċident ma setax kien wieħed voluntarju u li wieħed ma jistax iwieġeb ħati għax mgħandux ħin x’jaħli l-qorti. Kienet mat-tielet dikjarazzjoni ta’ ħtija li l-qorti ċediet u aċċettatha.
Ir-raġel intalab iħallas elf ewro fi spejjeż biex titranġa t-tinda, minkejja li ilmenta li s-somma kienet eżaġerata u l-avukat difensur argumenta li l- espert li tqabbad mill-qorti kien impjegat tal-lukanda ta’ Decesare stess. Stima li ma setax jikkontesta peress li wieġeb ħati.
Sinahs ingħata l-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li ma jikkommettix reat ieħor fi żmien tlett snin.