Raġel ta’ tnejn u erbgħin sena u Taljan ta’ ħamsa u ħamsin sena ġew arrestati mill-Pulizija ta’ Kontra d-Droga f’żewġ każijiet separati.
L-ewwel wieħed ġie arrestat bl-għajnuna tad-Dipartiment tad-Dwana wara li nstab fil-pussess ta’ madwar disa’ kilogrammi sustanza suspettata kannabis moħbija f’apparat elettroniku.
Minn tfittxija fir-residenza tiegħu, il-Pulizija sabet madwar mija u ħamsin gramma sustanza suspettata kokaina. Il-valur fit-triq tad-droga misjuba jlaħħaq il-mija u disgħa u tmenin elf ewro.
F’każ separat, it-Taljan ġie estradit lejn pajjiżna mill-Italja permezz ta’ mandat ta’ arrest Ewropew biex jgħaddi proċeduri kriminali dwar pussess u importazzjoni tad-droga.
Iż-żewġt irġiel tressqu l-Qorti dalgħodu fejn wieġbu mhux ħatja u nżammu arrestati.