Wied iż-Żurrieq ser jospita jumejn t’attivitajiet fi tmien din il-ġimgħa bit-tema ‘Destinazzjoni Wied iż-Żurrieq’ imtella’ mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Dan bil-għan li jintefa’ dawl fuq il-ġmiel naturali ta’ Wied iż-Żurriequ filwaqt familji u t-tfal kif ukoll it-turisti jkunu jistgħu jgawdu u jipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet.
L-attivitajiet, kemm is-Sibt kif ukoll il-Ħadd 25 u 26 ta’ Lulju, se jkunu mifruxin fuq 13-il siegħa kull ġurnata, mid-9.00am sal-10.00pm.
Il-programm t’attivitajiet huwa varjat u mmirat għal persuni ta’ kull età hekk kif dawn l-attivitajiet għandhom għan divertenti u kulturali fost oħrajn bi żjarat lejn it-Torri tax-Xutu li jagħti fuq il-baħar u bil-parteċipazzjoni taż-żewġ baned tal-Qrendi kif ukoll wirjiet tan-nar.
Dan apparti li ser iseħħu żjarat bid-‘dgħajjes tat-turisti’ għall-Blue Grotto bejn id-9.00 ta’ filgħodu u l-4.00 ta’ waranofsinhar, is-Sibt u l-Ħadd.
Bħala soluzzjoni għall-problema ta’ parkeġġ, ser ikun offrut servizz b’xejn ta’ trasport ċirkolari għal Wied iż-Żurrieq kull 20 minuta bejn l-għaxra ta’ filgħodu u nofsillejl. Dan filwaqt li dawk li ma jużawx trasport ser jibbenefikaw minn roħs ta’ 50% fuq il-prezz oriġinali.
Il-programm ta’ attivitajiet, apparti dawk imsemmijin, jinkludu wkoll wirjiet ta’ maġija, puppet show, sparar bil-qaws, logħob tal-boċċi u wirjiet minn InGuardia re-enactment kull siegħa, is-Sibt bejn is-6.30 u d-9.00 ta’ filgħaxija u l-Ħadd il-wirjiet isiru bejn il-5.30 u t-8.00 ta’ filgħaxija.
Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli wriet is-sodisfazzjon tagħha u qalet kif ta’ kull sena Wied iż-Żurrieq jattira l-għajn ta’ 475,000 turist apparti l-eluf ta’ Maltin li jiffrekwentaw dan il-post.