Wara li ftit tax-xhur ilu Wied il-Qlejgħa magħruf aħjar ma’ ħafna bħala Chadwick Lakes, irċieva tindifa papali sabiex ikun jista’ jżomm aktar ilma, dan spiċċa vittma tal-vandaliżmu.
Dan l-istazzjon mar fuq il-post fejn hemm hekk seta’ jara trakki ta’ ħamrija maqluha minn quadbikes li għal xi raġuni niżlu fil-parti fejn jinġema’ l-ilma.
Dan l-att vandalu sar waqt li bħalissa fl-istess wied għaddej proġett ta’ madwar ħames miljun ewro li jinvolvi t-tindif ta’ tlieta u ħamsin elf metru kubu ta’ ħamrija minn fejn jgħaddi l-ilma biex b’hekk il-Wied jiġi jesa’ ħamsa u tletin miljun litru ilma iżjed. Dan filwaqt li fost oħrajn se jitħawwlu ħames t’elef siġra fiż-żona.
L-ambjentalist Alfred Baldacchino li hu kwalifikat fl-ippjanar u l-immaniġġjar tal-ambjent spjega l-vandaliżmu li sar fil-wied fejn fosthom semma’ wkoll kif twaqqa’ ħajt li nbena lura fis seklu dsatax.
Baldacchino stqarr, “Qegħdin jagħmlu l-ħsara għaliex f’dak id-daqxejn ta’ ilma hemmek hemm ħafna Flora u Fauna li jkunu hemmek reqdin għal ġranet tax-Xitwa u meta issa jasal is-Sajf u r-Rebbiegħa jagħtu l-ħajja u tgħaffiġ bħal dak jagħmel ħafna ħsara.”
Huwa spjega wkoll kif xi persuni ħelsu minn speċi nvażivi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-biodiversità fil-Wied.
Kompla jgħid, “Ġieli rajna fkieren tal-ilma ħelu li dawn jieklu kulma jsibu l-imrieżeb, l-iżrinġijiet, il-larvea ta’ ċertu insetti allura dan qed jonqos in-numru tagħhom. Insibu l-ħut tal-ilma ħelu li kull sena insibu min jiġu jitlaqhom hawnekk u dik qed tagħmel ħsara lill-biodiversità.”
B’hekk is-Sur Baldacchino appella sabiex il-pubbliku jinforma ruħu iktar sabiex dan il-wied meqjus bħala ġawhra f’pajjiżna jiġi preżervat bl-aħjar mod possibbli.
“Dan ix-xogħol biex jirnexxi irid ikollu ukoll l-għajnuna indiretta tal-pubbliku li l-pubbliku jagħraf li dan ix-xogħol qed isir għal ġib tiegħu.” Ikkonkluda jgħid.
Il-proġett li bħalissa għaddej fiċ-Chadwick Lakes mistenni jitlesta sentejn oħra.