Il-post magħruf bħala Wied Fulija, li hu fost l-isbaħ akkwati fin-Nofsinhar ta’ Malta, eżatt fuq l-irdumijiet fil-limiti taż-Żurrieq, se jkun qed jingħata lura għat-tgawdija u r-rikreazzjoni tal-pubbliku inġenerali wara li fl1979 beda jintuża bħala miżbla li kienet tilqa’ kull tip ta’ skart, inkluż dak potenzjalment perikoluż.
Ir-rimi kien twaqqaf fl-1996, imma minn dak iż-żmien ’l hawn il-post baqa’ abbandunat, b’riperkussjonijiet serji, inkluż għall-baħar taħt l-istess irdumijiet fil-viċinanzi fejn beda jiskula skart u materjal tossiku.
Is-sit ta’ 95,000 metru kwadru jew l-ekwivalenti ta’ seba’ darbiet id-daqs tal-grawnd tal-futbol f’Ta’ Qali mistenni jkun lest sa Diċembru li ġej.
Bi trasformazzjoni totali, li nbdiet taħt il-Ministru Josè Herrera u issa qed titkompla taħt il-Ministru Aaron Farrugia, is-sit se jkun qed jiġi konvertit għal post ta’ rikreazzjoni bla biża’ ta’ kontaminazzjoni jew perikli għas-saħħa tal-viżitaturi.
Il-proġett qed isir bl-infiq ta’ kważi €4 miljun, li 85% ġejjin minn fondi Ewropej. Meta bdew ix-xogħlijiet f’Diċembru 2018, Dr Farrugia nzerta kien ukoll Segretarju Parlamentari responsabbli mill-fondi Ewropej.
Illum wasal fil-fażi li hemm żewġ għoljiet miksijin b’saffi ta’ materjal bħal ġebel fin u ħamrija bil-għan li l-wiċċ ikun jista’ jibda jerġa’ jħaddar b’siġar indiġeni li se jkunu qegħdin jiġu mħawlin.
Għal dan il-għan qed tintuża l-esperjenza ta’ speċjalisti botaniċi lokali biex ikun assigurat l-aħjar mezz kif isir it-tħawwil bil-għan li tiġi promossa l-bijodiversità u l-użu rikreazzjonali tul il-wied.
Meta din il-ġimgħa wieġeb lid-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina fil-Parlament dwar l-istess proġett, il-Ministru Farrugia tenna li “r-riabilitazzjoni tal-miżbla ta’ Wied Fulija qiegħda ssir skont il-permess ta’ żvilupp approvat li jinkludi xogħlijiet ta’ reprofiling u ta’ capping. L-eżerċizzju ta’ reprofiling huwa meħtieġ biex jassigura li l-għoljiet tal-miżbla jkunu stabbli u dan ibbażat fuq studju strutturali ta’ dawn l-għoljiet. Il-miżbla trid imbagħad tkun koperta minn saff ta’ materjal inerti gradat biex jevita l-emissjonijiet tal-gass mil-landfill u l-ilma milli jidħol fil-landfill, li mbagħad jista’ jikkontamina l-ilma tal-baħar u dak tal-pjan.”
Fil-fatt, jirriżulta minn informazzjoni li għandna, li saret l-evalwazzjoni tal-miżbla fl-aħħar tal-2018 u nstab li kien hemm madwar 30 metru fond ta’ skart. Kalkoli stmaw li kien hemm ftit inqas minn żewġ miljun tunnellata, mingħajr rekords ta’ dak li kien qed jintrema u allura jagħmel il-post iżjed perikoluż. Ma’ dawn, madwar 6,000 tunnellata ta’ ħġieġ kien ittieħed hemm biex jinħażen temporanjament. Il-ħamrija madwar iż-żona kollha nstab li kien fiha konċentrazzjoni għolja ta’ tniġġis. Biċ-ċaqliq maż-żmien, ħafna mill-iskart ukoll beda jaqa’ waħdu fil-baħar fuq in-naħa tal-irdumijiet, bi ħsara kbira lill-ambjent tal-madwar.
Dan kollu, iżda, jinsab taħt kontroll, skont tagħrif li għandha l-gazzetta Kullħadd jidher li anke jekk il-proġett kien meqjus bħala wieħed delikat. Il-Ministru għall-Ambjent, fit-tweġiba tiegħu din il-ġimgħa, indika li l-proċess biex tiġi riabilitata l-miżbla ma kienx wieħed faċli.
“Huwa ppjanat u mistenni li għad baqa’ ammont kbir ta’ materjal iggradat u speċifiku li għad irid jiġi mwassal Wied Fulija bħala parti minn riabilitazzjoni normali ta’ miżbla. Rajna l-istess proċess jiġri fil-miżbla tal-Magħtab, il-miżbla ta’ Marsaskala u l-miżbla tal-Qortin f’Għawdex,” temm jgħid Dr Farrugia.