Wied Fulija, li hija miżbla dilapidata u ma tintużax fiż-Żurrieq u tkopri 95,000m2 ser tiġi rijabilitata f’park naturali. Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera ddikjara li “dan il-proġett mhux biss se jnaqqas it-tniġġis, imma l-iżvilupp mill-ġdid u t-tisbiħ ta’ dan is-sit ser jtejjeb ukoll l-ambjent naturali tal-madwar u ser jipprovdi lill-komunità park naturali b’żona ekwivalenti għal 9 darbiet id-daqs tal-Istadium Nazzjonali”. Ix-xogħlijiet ta’ rijabilitazzjoni bdew f’Marzu 2019 bil-għan li sa Diċembru 2020 jittlesta l-proġett. Il-Ministru Herrera ħabbar li mal-45,000 siġra matura u arbuxelli indiġeni ser jitħawwlu f’dan is-sit. Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li dan il-Gvern qed jagħmel użu minn diversi programmi ta’ fondi tal-Ewropa sabiex isiru proġetti li
jipproteġu l-ambjent naturali u marittimu, kif ukoll il-kwalità tal-ilma. Huwa spjega kif dan il-proġett, li huwa ffinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni, huwa parti minn pjan fit-tul tal-Gvern biex
jagħmel użu mill-fondi Ewropej għal dan il-għan. Semma programmi oħra bħal LIFE RBMP, kif ukoll investimenti kbar fis-settur tal-ilma li jammontaw għal iktar minn €100 miljun. Huwa qal li r-rijabilitazzjoni ta’ dan il-wied mhux biss se jkun qed jipproteġi l-ambjent iżda wkoll jirritorna l-imkejjen uniċi lura lill-pubbliku, b’hekk ikompli jtejjeb il-kwalita ta’ ħajja tan-nies.
Is-sit beda jintuża bħala miżbla lura fl-1979 u ma baqax jaċċetta l-iskart fl-1996. Is-sit ikopri madwar 95,000m2 u huwa stmat li matul il-perjodu operattiv ġew depożitati madwar 1.85 miljun tunnellata ta’ skart. Huwa stmat li waqt li s-sit kien attiv, kull tip ta’ skart, inkluż skart perikoluż, ġie mormi f’din il-miżbla. Maż-żmien beda jitkaxkar l-iskart u jinxterred mal-irdum
bil-konsegwenza li jispiċċa fil-baħar u s’issa m’hemm l-ebda sistema fis-seħħ biex tipprevjeni dan l-impatt detrimentali.
Il-Wasteserv bdiet timplimenta strateġija intensiva sabiex tnaqqas t-tixrid ta’ skart fil-baħar u tillimita tniġġis ieħor. David Borg, iċ-Chairman tal-Wasteserv, spjega l-għanijiet varji ta’ dan il-proġett u rrimarka li “din ir-rijabilitazzjoni, apparti milli tintegra viżwalment il-miżbla mal-pajsaġġ tal-madwar, ser tnaqqas l-infiltrazzjoni tax-xita sabiex timminimizza l-produzzjonijiet ta’ leachate li altrimenti jkollha impatt fuq il-kwalità tal-ilma.”
Il-proġett se jimmira li malli jkun restawrat is-sit, jiffunzjona b’manutenzjoni minima u ġie enfasizzat ukoll li din il-miżbla se tkun re-profiled mill-ġdid billi jintuża materjal diġà eżistenti fis-sit u b’hekk jitnaqqas il-carbon footprint.
Dan il-proġett se jiswa madwar €4 miljuni u huwa eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni Ewropea.