Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Virginijus Sinkevičius, semma speċifikament is-sit ta’ Wied Fulija fiż-Żurrieq bħala prova r-restawr tan-natura huwa possibbli.
Ir-restawr tan-natura huwa proċess li jwassal biex ekosistemi degradati, danneġġati, jew meqruda jiġu rkuprati u jġib lura aktar natura u bijodiversità fi nħawi differenti: mill-artjiet agrikoli u msaġġra sal-baħar u l-ispazji urbani.
“Ir-restawr tan-natura jaħdem!” kiteb il-Kummissarju Ewropew fi Tweet. “Is-sit ta’ Wied Fulija issa fih waħda mill-aktar ekosistemi diversi wara li serva bħala miżbla għal 42 sena. Minn post imniġġes inbidel għal post sabiħ għal dawk li joqogħdu fl-inħawi!”.
Wara li għal deċenni twaddbu fih żewġ biljun kilogramma ta’ skart, f’Wied Fulija sar proġett ta’ tħaddir ta’ €4.5 miljun, kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea, li ġie inawgurat fl-2021 mill-Prim Ministru, Robert Abela.
Il-Kummissarju Sinkevičius kellu l-opportunità li jżur Wied Fulija flimkien mal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriżi waqt żjara li għamel f’Malta l-ġimgħa l-oħra.