Storja ta’ tifel ċkejken ta’ erba’ snin, li wiċċu huwa mtappan għal għomru mill-gwerra fis-Sirja, iddominat il-faċċata tal-aġenzija tal-aħbarijiet BBC, li rrapportat l-istorja tiegħu.
Is-sena l-oħra, Jouma u qrabatu kienu se jitilqu minn darhom fis-Sirja bit-tama għal ħajja aħjar, meta x-xarabank li kienu fuqha ntlaqtet minn attakk mill-ajru.
It-tieqa li kien qed iserraħ magħha ċ-ċkejken infaqgħet f’wiċċu, u r-riperkussjonijiet li ħalla l-ħġieġ li darrbu, għadhom jinħassu sal-lum, hekk kif mhux darba jew tnejn għadu joħroġlu d-demm jew jinstabulu biċċiet żgħar tal-ħġieġ f’wiċċu.
Wiċċ iċ-ċkejken – li dakinhar kellu tliet snin – indarab serjament kif jixhdu l-filmati, u llum Jouma huwa għami kompletament miż-żewġ għajnejn.
Aktar minn sena wara, Jouma qed jgħix ma’ familtu f’parti fqira ta’ Beirut fil-Lebanon.
Il-ġurnalista li ltaqgħet mal-familja, qalet li l-istorja hija xokkanti mhux biss minħabba l-istat li jinsab fih wiċċ it-tifel, iżda wkoll għall-effetti psikoloġiċi u t-trawma li ħalliet il-gwerra fis-Sirja fuq din il-familja, għal ħajjithom kollha.