Heritage Malta qiegħda taħdem fuq ir-rikostruzzjoni ta’ wiċċ ta’ mara li ndifnet fil-kumpless tal-Katakombi ta’ San Pawl, ir-Rabat, Malta, bejn wieħed u ieħor fl-ewwel seklu W.K. Eventwalment din ir-rikostruzzjoni se tifforma parti mill-esebizzjoni permanenti tas-sit u permezz tagħha, il-viżitaturi se jkunu jistgħu jiġu wiċċ imb’wiċċ ma’ din il-mara li għexet f’Malta madwar 2000 sena ilu.
L-iskeletru tagħha nstab ġewwa x-xaft ta’ qabar numru 15, taħt il-parti tal-art fejn illum jinsab iċ-ċentru ġdid tal-viżitaturi tal-Katakombi ta’ San Pawl. Din is-sejba saret waqt skavi arkeoloġiċi li kienu qed isiru fil-post bejn l-2013 u l-2015. Intagħżel proprju dan il-kranju għar-rikostruzzjoni minħabba li kien pjuttost komplut u saħansitra jinkludi x-xedaq.
Il-mara kellha madwar 18 – 27 sena u kienet bejn 140 u 150 cm twila meta mietet minn kawża mhux magħrufa. Studji fuq l-għadam tagħha jindikaw illi għalkemm il-mara kellha tfulija raġonevolment sana, hi kienet diġà qed issofri minn marda deġenerattiva tal-ġogi, probabbilment minħabba xogħol mekkaniku.
Ir-rikostruzzjoni faċċjali ta’ dan l-iskeletru qiegħda ssir mill-osteoarkeologu u antropologu forensiku Roberto Micciche, Adjunct of Anthropology fl-Università ta’ Palermo, flimkien ma’ l-antropologu forensiku Daniele Di Lorenzo. Dan il-proġett jifforma parti mill-istudji li qed isiru wara x-xogħol ta’ skavi arkeoloġiċi li twettqu fil-Katakombi ta’ San Pawl.