B’investiment ta’ kważi żewġ miljun ewro, se jingħata wiċċ ġdid lill-pjazza tal-Mellieħa, bil-bidla ewlenija tkun il-qalba mit-tarmak għal pavimentar li se jżid il-valur kulturali u soċjali ta’ din il-lokalità.
Il-proġett ta’ riġenerazzjoni f’Misraħ il-Parroċċa se jsir b’kollaborazzjoni bejn l-aġenzija Infrastruttura Malta u l-Ministeru għat-Turiżmu.
Il-Ministru Clayton Bartolo qal li dan l-investiment fl-infrastruttura jimxi id f’id mal-viżjoni tal-Gvern li jsaħħaħ in-niċċa turistika tar-reliġjon.
Qal, “Dan se nkunu qegħdin nagħmluh sabiex jitgawda mill-familji Maltin u Għawdxin iżda wkoll sabiex intejbu l-prodott turistiku tagħna fejn qed naraw li nsaħħu n-niċċa tal-faith tourism, fejn se nkunu qegħdin intejbu l-aċċessibilità mill-Knisja Arċipretali tal-Mellieħa għas-Santwarju Marjan tal-Madonna tal-Mellieħa li mbagħad jieħdok lejn ix-xelters u anki lejn il-Madonna tal-Għar.”
Il-Ministru Ian Borg nnota kif fl-isfond li l-pjazez f’pajjiżna huma l-qalba tal-komunità li jilqgħu bosta attivitajiet, dan il-proġett se jara li l-attivitajiet isiru bl-aktar mod sigur u li jkunu aċċessibbli għal kulħadd.
Bħalissa għaddej il-proċess tas-sejħiet għall-offerti dwar ix-xogħol, u l-Ministru nnota li l-ħidma se ssir minn Aġenzija li kull ma jmur qed turi kemm kapaċi tlesti x-xogħol fil-ħin.
Spjega, “Aġenzija li tant qiegħda twassal proġetti fil-ħin, u f’dal-każ, ir-riġenerazzjoni ta’ din il-pjazza mill-isbaħ tal-Mellieħa tkun tista’ ssir fil-ħin, anki fil-ħin addattat ħalli ġaladarba tkun għaddiet il-pandemija, u l-Mellieħa jerġa’ jilqa’ l-ħafna turisti li ilu jilqa’, tkun qiegħda tagħti prodott turistiku aħjar lil dawk li jżuruha.”