Triq Ħal Tarxien, triq fil-periferija taż-Żejtun li tgħaqqad Ħal Tarxien u Bulebel, finalment sarilha wiċċ ġdid.
Din it-triq ilha snin b’karba biex isirilha x-xogħol fuqha, hekk kif għadd ta’ sewwieqa li b’diffikultà kienu jgħaddu minnha wasslu l-ilmenti tagħhom.
Fl-aħħar jiem din it-triq ingħatat it-tarmak u issa jonqos biss is-sinjali tat-traffiku sabiex tiżdied anki s-sigurtà f’din it-triq li tista’ tintuża bħala alternattiva mit-Triq tal-Barrani.
Ix-xogħol li sar f’temp relattivament qasir ħafna sar b’konsultazzjoni sħiħa mal-Kunsill Lokali fosthom ma’ dak Żejtuni, kif tistqarr is-Sindku tal-lokalità Doris Abela.
Semgħu l-karba tagħna, saret din it-triq, saret b’mod illi kienet tal-inqas inkonvenjent għalina, il-għaliex saret bil-lejl. Bdiet prattikament qisu fit-3 t’Awwissu u fi żmien erba’-ħames t’ijiem tlestiet.
Intant Triq Ħal Tarxien hija wkoll alternattiva għal Triq Bormla li bħalissa qed tinbena mill-ġdid.
Triq Bormla, jew kif inhi magħrufa, it-Triq taċ-Ċawsli, qed tinbena mill-ġdid, b’pedamenti u sistemi tat-tqassim tal-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni taħt l-art ġodda, diversi faċilitajiet għall-ivvjaġġar b’mezzi alternattivi u infrastruttura oħra li tkompli ttejjeb l-effiċjenza, l-kwalità u s-sigurtà ta’ din it-triq popolari.
Fost oħrajn, dan l-investiment ta’ madwar erba’ miljun ewro jinkludi wkoll korsija maqtugħa għaliha mit-triq biex minnha jkunu jistgħu jgħaddu dawk li jivvjaġġaw bir-roti jew bil-mixi.