L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-WHO, iddikjarat li kull sena qed imutu aktar minn mija u ħamsa u sebgħin elf persuna fl-Ewropa kawża tas-sħana.
Mis-sena elfejn sal-elfejn u dsatax mietu medja ta’ erba’ mija, disgħa u tmenin elf persuna minħabba s-sħanat fid-dinja. Madankollu, il-kontinent Ewropew hu l-aktar wieħed li qed jiffaċċja mwiet b’rabta ma’ dan. Fil-fatt, l-imwiet fit-tlieta u ħamsin stat Ewropew jammontaw għal sitta u tletin fil-mija tal-imwiet globali.
Din id-dikjarazzjoni mill-WHO ġiet ftit jiem biss wara li s-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, Antonio Guterres, ħeġġeġ biex tittieħed azzjoni fil-konfront ta’ sħanat esaġerati li qegħdin jaħkmu lid-dinja, fejn ta’ sikwit qegħdin jiġu rrapportati sħanat li jiksru r-rekords.
Intqal kif l-aktar tliet snin sħan qatt irrapportati kienu kollha mill-2020 ’il quddiem, filwaqt li l-aktar għaxar snin sħan seħħew kollha mill-2007 ’l hawn. Dan kollu qiegħed iwassal biex aktar persuni jitilfu ħajjithom, b’dak imsejjaħ bħala stress tas-sħana, bl-aktar persuni affettwati jkunu l-anzjani u nisa tqal, skont id-Direttur Reġjonali tal-WHO fl-Ewropa, Hans Kluge.
Il-WHO appellat biex tkompli titqajjem kuxjenza dwar kif wieħed għandu jipproteġi lilu nnifsu minn sħana eċċessiva billi, fost l-oħrajn, jevita attivitajiet barra fis-sigħat l-aktar sħan tal-ġurnata u jinżamm frisk permezz ta’ lbies addattat u li jixrob b’mod adegwat.