B’referenza lejn il-white paper dwar il-kera, il-Prim Ministru tkellem dwar ir-realtà tas-suq tal-proprjetà f’Malta fejn filwaqt li l-maġġoranza tal-Maltin huma sidien tal-proprjetà, hemm realtajiet oħra li l-gvern irid jindirizzahom u ta eżempji differenti fuq iż-żewġ naħat tas-sitwazzjoni.
“Qed nipprovaw nibbilanċjaw dawn iż-żewġ realtajiet ġenwini. B’mod li nagħtu ċertu ċertezzi, b’mod li nkunu miftuħa, trasparenti u bbilanċjati,” qal Joseph Muscat li rrefera lejn il-mod kif il-Caritas u l-iżviluppaturi t-tnejn qablu li hija bbilanċjata. Fl-istess ħin appella lill-organizazzjonijiet biex jibgħatu rispons iddettaljat fuq il-punti tal-white paper. “Għax f’mument minnhom irridu niddeċiedu. Lesti li niddeċiedu imma nixtiequ ngħamlu dan wara li nkunu smajna lil kulħadd dwar x’jaħseb,” qal Joseph Muscat.Tkellem ukoll dwar il-programm il-kbir fl-infrastruttura li diġà beda u qed iħalli titjieb fil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Irrefera wkoll għal bidliet kbar li se jsiru fil-qasam tal-immaniġjar tal-iskart, b’mod partikolari b’rabta ma’ dik marbuta mal-flixken tal-plastik, kif ukoll tħabbiriet importanti marbuta mas-sigurtà.
Il-Prim ministru tkellem ukoll dwar il-white paper imnedija din il-ġimgħa dwar il-ġejjieni tal-Kunsilli Lokali. Fost oħrajn kif il-Kunsilli Lokali jista’ jkollhom iktar riżorsi u jinġabru flimkien biex jaħdmu aħjar. “Jekk nikkonsolidaw nistgħu nġibu riżultati aħjar għall-kunsilli u iktar importanti għan-nies,” qal il-Prim Ministru.
“Nemmen li qegħdin nagħtu direzzjoni ċara ta’ riforma li hija bżonnjuża, li tgħin lill-kunsillieri u lill-kunsilli, iżda li fuq kollox tgħin lin-nies,” kompla l-Prim Ministru li tkellem ukoll dwar il-ħtieġa ta’ strateġija nazzjonali għall-isport. “Strateġija nazzjonali għall-isport li tkun koerenti. Diġà bdejna nitkellmu mal-federations biex inkunu ffukati. Nidejjaq nara pajjiżi żgħar daqsna jiksbu riżultati aħjar minna,” kompla Joseph Muscat li tkellem ukoll dwar il-bidla fil-mentalità li jrid ikun hemm u kif din l-istrateġija trid toħloq atleti li jikkompetu f’tournaments internazzjonali u jkunu mal-aqwa għaxra fid-dinja.