Il-Gvern nieda white paper għal konsultazzjoni pubblika dwar il-liġi tal-kondominju li għandha l-għan li tħares id-drittijiet u d-dmirijiet biex is-soċjetà tgħix aħjar.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u l-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi.
Intqal kif fl-aħħar snin ġiet reġistrata żieda fin-numru ta’ residenti f’Malta li jgħixu f’residenzi li huma aċċessibbli minn spazji komuni li r-responsabbiltà tal-manteniment tagħhom tinqasam b’mod ugwali bejn is-sidien tad-diversi unitajiet separati.
Għalhekk, fid-dawl tal-iżvillup urban li għaddej minnu pajjiżna huwa vitali li l-istrutturi legali u regolatorji jkunu qed jirriflettu dawn ir-realtajiet.
Għaldaqstant, wara l-bidliet li saru fl-Att dwar il-Condominia matul is-snin, intqal kif issa nħasset il-ħtieġa li ssir riforma f’din il-liġi biex tindirizza kwistjonijiet li ilhom pendenti ħafna snin.
Fost il-bidliet f’dan l-Att, insibu t-twaqqif ta’ Regolatur tal-Kondominju, Tribunal ġdid għall-Affarijiet tal-Kondominju, il-kopertura permezz ta’ Assigurazzjoni Professjonali għall-Amministraturi u assigurazzjoni tal-proprjetà għall-partijiet komuni se ssir obbligatorja fost bidloet leġiżlatticħvi oħra.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal kif kien wasal iż-żmien li ssir analiżi legali fejn issa wasslet għat-tnedija tal-white paper.
Il-Ministru Jonathan Attard qal kif permezz ta’ din il-bidla leġiżlatticħva l-Gvern qed jibgħat messaġġ b’saħħtu li l-liġijiet qed jiġu mmodernizzati mal-bżonnijiet taż-żminijiet tal-lum.