Wieħed miż-żewġt’irġiel suspettati li lbieraħ daħlu fi Knisja f’Rouen fi Franza u ħanxru għonq qassis, kien osservat mill-Pulizija tant li kien liebes tag ta’ sorveljanza. Adel Kermiche ta’ 19-il sena kien arrestat darbtejn u prova jmur is-Sirja.
Dettalji dwar l-attakk qed joħorġi ftit ftit, fosthom li qabel qatluh, iż-żewġt’irġiel ġibdu filmat tagħhom infushom, għamlu dak li qed ikun deskritt bħala ritwal madwar l-artal huma u jgħidu “Allahu akbar”. Dan skont soru li kellha x-xorti ħażina tara x-xena makabra. Jirriżulta wkoll li l-ostaġġi li nżammu fil-Knsija ntużaw biex blokkaw l-entratura tal-binja, biex il-Pulizija ma setgħux jidħlu.
X’inhu magħruf dwar Adel Kermiche?
- Prova jmur is-Sirja f’Marzu 2015. Familtu rrapportatu nieqes u kien arrestat il-Ġermanja. Kien qed juża l-identità ta’ ħuh.
- Bagħtuh lura Franza, ittieħdu proċeduri kriminali kontrih u tqiegħed taħt superviżjoni.
- Reġa’ prova jmur is-Sirja f’Mejju tal-2015, laħaq wasal it-Turkija, imma kien arrestat mill-ġdid u ttieħed lura Franza.
- Baqa’ fil-kustodja tal-Pulizija sa’ Marzu 2016, meta kien meħlus bil-kundizzjoni li jilbes it-tag u jibqa f’daru f’Saint-Etienne-du-Rouvray, ħlief għal fost il-ġimgħa bejn it-tmienja u nofsinhar.
Investigaturi għadhom qed jidentifikaw it-tieni raġel, iżda żagħżugħ ta’ 17-il sena qed jinżamm fil-kustodja tagħhom. Dawn huwa ħu raġel ieħor miżmum taħt arrest internazzjnali wara li kien fl-Iraq u s-Sirja.