“Tkun kuntent meta twettaq dak kollu li tkun wiegħedt”
Hekk stqarr il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt programm li qed jixxandar b’mod dirett fuq One.
Il-Prim Ministru qal li llum il-pajjiż avvanza ħafna, li hemm ħafna affarijiet prinċipali li diġa’ twettqu filwaqt li għadha għaddejja l-ħidma.
“Meta żżomm il-kelma tiegħek mal-poplu, iġġib aktar riżultati” tenna l-Prim Minsitru.
Kompla jgħid li s-sugu qiegħed fil-fatti, u llum hija infatti ġurnata storika, għax ingħalqet darba għal dejjem il-Power Station tal-Marsa, li taħdem bl-aktar żejt li jniġġeż.
“Illum, fejn hemm dak il-post li kien assoċjat mat-tniġġiż, issa se jkun post ta ftuh, ta’ divertiment, post li joħloq ix-xogħol, jattira investiment, jgħolli l-valur tal-propjetajiet u jgħin l-ambjent ta’ dawk l-inħawi”.
“Għamilna l-iżbalji tagħna” żied jgħid Muscat, “imma wettaqna dak li wiegħdna u wettaqna dak li wiegħed ħaddieħor u ma wettaqx”. Eżempju ċar huwa t-tnaqqis fl-income tax. Eżempju ieħor huwa ħidmet dan il-Gvern favur l-inklużjoni tan-nisa fil-politika.
Tkellem ukoll dwar it-tieqa ta’ Dwejra u l-interess li qed tattira, kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Dan fid-dawl tal–possibiltà li ssir tifkira artistika jew teknoloġika ta’ dik li kienet ikona naturali.