Ristorant ewlieni fil-Waterfront bejn il-Belt u l-Floriana qed joffri spazju kuljum għall-mużiċisti biex kuljum ikollhom rokna fejn jipprattikaw il-passjoni tagħhom, u fuq kollox, xogħolhom.
L-aħwa Kurt u Kevin Calleja, is-sidien tar-ristorant, spjegaw lil ONE News għalfejn ħassew id-dmir li jagħtu daqqa t’id lil sħabhom mużiċisti f’dan iż-żmien.
Spjegaw kif, “Xtaqna li bir-ristorant, nagħtu xogħol lill-mużiċisti lokali fis-sessjonijiet live li nagħmlu ta’ kuljum. Kuljum ikollna bżonn dik in-naqra vitmina ta’ pjaċir. Qed jibagħtulna ħafna mużiċisti u aħna qed nilqgħuhom anke minn min jixtieq idoqq. Jibagħtulna xi filmati ta’ xogħolhom, u aħnar naraw min hu l-aktar adattat għall-post li għandna hawnhekk.”
Dan kien il-briju li sibna aħna meta t-Tnejn filgħaxija żorna r-ristorant tal-aħwa. Il-klijenti preżenti dehru wiċċhom għad-dawl issa li wara żmien ta’ kawtela kbira, żmien fejn ħafna stabbilimenti ingħalqu u żmien fejn ħafna, fosthom artisti, spiċċaw bla xogħol, ingħataw doża ta’ normalità.
Qalu li, “Jekk tkun bilqegħda u qed tkantau qed tieħu pjaċir tisma’ l-mużika, huwa mod kif tinsa ftit it-tbatija li hemm għaddejja bħalissa. Wara l-pandemija, bħalma konna nagħmlu qabel, nisperaw li nibqgħu bi programm mużikali rikk. Qed nagħmlu mill-aħjar li nistgħu u sal-massimu li nistgħu biex in-nies jieħdu pjaċir bil-mod li jistgħu. Jekk qiegħed bilqegħda tista’ tkanta jew iċċapċap, u tieħu pjaċir b’modi differenti.”
L-aħwa Calleja għadhom qed jilqgħu messaġġi minn mużiċisti interessati li jixtiequ jdoqqu fir-ristorant.