Żagħżugħa f’El Salvador ingħatat tletin xahar ħabs wara li nstabet ħatja ta’ omiċidju. Iż-żagħżugħa welldet tarbija bla ħajja f’latrina, wara li qatt ma marret għal eżamijiet mediċi. L-avukati tagħha saħqu li ma kinitx taf li tqila u li allura ma seħħ ebda delitt. Qalu li t-tqala kienet riżultat ta’ numru ta’ każijiet ta’ stupru li qatt ma rrapportat.
F’El Salvador, l-abort huwa illegali f’kull ċirkostanza. F’April tas-sena li għaddiet, Evelyn Beatriz Hernandez Cruz welldet fil-latrina tad-dar tagħha f’komunità rurali. Hija intilfet minn sensiha wara li tilfet ammont kbir ta’ demm. Ħdax-il jum wara, beda każ il-Qorti, u minn dakinhar, inżammet fil-kustodja tal-Pulizija.
Minkejja li ma kien hemm ebda sinjal li għamlet abort, hija ġiet akkużata b’omiċidju. Minkejja li kienet fit-tielet fażi ta’ tqala, it-tfajla ħasbet li kellha uġigħ fl-istonku, speċjalment għax baqgħat tara d-demm. Fil-Qorti insistiet li ma riditx toqtol lil binha.