Aktar riżultati sbieħ fil-weightlifting. Dan hekk kif il-weightlifter żagħżugħa Kim Camilleri Lagana rebħet tliet midalji tal-bronż waqt il-Kampjonati tal-Ewropa U15 f’Chisinau, il-Moldova. Lagana kisbet dawn il-midalji fil-kategorija tal-45kg.
Fl-iSnatch, Kim Camilleri Lagana kella refa’ ta’ 57kg li kien daqs l-aħjar riżultat personali tagħha. Fil-Clean & Jerk il-weightlifter maltija kellha refa’ ta’ 74kg li kien ifisser rekord nazzjonali ġdid.
B’hekk Camilleri Lagana tellgħet total ta’ 131kg li wkoll kien ifisser rekord nazzjonali u r-rebħ ta’ tliet midalji tal-bronż prestiġġjużi.
Il-kategorija 45kg intrebħet minn Kateryna Malashchuk tal-Ukrajna filwaqt li Bojana Kostadinova tal-Bulgarija spiċċat fit-tieni post.
Waqt dawn il-Kampjonati tal-Ewropa U15, Kim Camilleri Lagana kienet akkumpanjata mill-kowc nazzjonali u President tal-Malta Weightlifting Federation Jesmond Caruana.