L-uniku rappreżentanta maltija fil-kampjonati Ewropej tal-Juniors tal-weightlifting, Tenishia Thornton ikkompetiet fil-finali tal-kategorija 59kg. Dawn il-kampjonati qed isiru f’Bucharest Rumanija.
Tenishia kellha bidu tajjeb fil-kompetizzjoni Snatch b’refa’ inizjali ta’ 81kg, din kienet biżżejjed biex tegħleb lil atleti ta’ Franza, il-Ġermanja, l-Isvezja, ir-Rumanija, in-Norveġja u r-Repubblika Ċeka.
Fit-tieni tentattiv tagħha Tenishia refgħet 83kg u rnexxielha taqbeż lill-Polonja u lil Spanja. Sfortunatament għal Tenishia falliet it-tielet u l-aħħar tentattiv tagħha ta’ 85kg. Għalek spiċċat fis-6 post. Il-midalji tal-iSnatch marru għall-Ukrajna u l-Italja.
Fil-Clean and Jerk Tenishia sabet xi diffikultajiet waqt il warming-up tagħha hekk kif ħasset xi uġigħ fl-irkoppa. Għalek bdiet bir-refa’ ta’100kg iżda tilfet l-ewwel tentattiv tagħha. Hija kienet aktar determinata tgħar-refa’ ta’ wara fil-100kg iżda din id-darba Thornton ma fallietx. Din ir-refa kienet ferm importanti sabiex terġa’ tpoġġiha fuq fil klassifika.
Tenishia marret għal 2kg aktar iżda ma sfurzatx izzejjed u għalhekk ikkonkludiet il-kompetizzjoni b’total ta’ 183kg li poġġiha fis-7 post.
Dawn il-kompetizzjonijiet ma jkunux possibbli mingħajr l-appoġġ tal-Kumitat Olimpiku Malti u SportMalta.