Agatha Barbara daħlet fil-politika fis-snin 40.
Saret l-ewwel Ministru mara u eventwalment l-ewwel President tar-Repubblika mara. Mietet fl-2002.
Nisa bħalha fid-dinja politika ma kienx hawn ħafna u magħha lanqas.
Dan għax ir-riċerka turi li r-rappreżentanza tan-nisa fil-politika ilha mwaħħla f’madwar 10% (ftit iktar jew ftit
inqas) sa mill-1950.
Biex inkunu preċiżi fl-aħħar elezzjoni ġenerali preċiżi Malta tellgħet 11% tal-Parlament li kienu nisa b’mod dirett (li majinkludux co-options).
Dan għax kienu eletti tmien nisa minn 67.
L-InterParliamentary Index tal2018, aġġornat f’Novembru, juri li Malta tinsab fil-150 post minn 193 pajjiż fejn tidħol rappreżentanza tan-nisa.
Biex erġajna nżilna żewġ postijiet mqabbla ma’ pajjiżi oħra għax dawn il-pajjiżi matul is-snin għamlu avvanz kbir ’il quddiem.
M’hemmx dubju li kien dan li instiga lill-Partit Laburista jdaħħal proposta fil-Manifest Elettorali l-Aqwa Żmien ta’ Pajjiżna biex din is-sitwazzjoni tinbidel u llum nibsabu viċin diskussjoni dwar il-kif.
Anke għax il-messaġġ tal-Prim Ministru fil-bidu tas-sena kien ċar kristall.
“Fl-2017, il-Maltin u l-Għawdxin tawna mandat ċar ħafna biex indaħħlu azzjoni pożittiva biex naraw li jkollna aktar nisa fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, il-Parlament.
Fil-bidu tas-sena se nibdew b’konsultazzjoni biex dan jitwettaq. Naf, dan huwa suġġett kontroversjali u li hemm ħafna opinjonijiet dwaru.
Iżda ilna nistennew wisq u qatt ma sar xejn. Issa huwa l-waqt. Irridu niddiskutu ma’ kulħadd, flimkien mal-Oppożizzjoni u niddiskutu mhux jekk il-mandat tal-poplu hux se jitwettaq, iżda kif se jitwettaq,” qal il-Prim Ministru f’messaġġ ċar.
Messaġġ li ntlaqa’, fost l-oħrajn mill-parteċipanti ta’ LEAD li tkellmu ma’ din il-gazzetta dwar dak li qal il-Prim Ministru.
Charmaine St John, bdot li għall-ewwel darba qed tmiss il-politika qalet li “n-nisa jirrappreżentaw madwar 50% tal-popolazzjoni tal-pajjiż u għalhekk jiena nħoss li fil-politika għandu jkun hemm madwar 50% li jkunu nisa.
Il-fatt li l-Prim Ministru qed jappoġġja s-sehem tan-nisa b’dan il-mod lili diġà ħeġġiġni biex nagħmel l-ewwel pass tiegħi u nieħu sehem fil-programm Lead u anke nikkontesta għall-elezzjonijiet lokali.”
L-Avukat Tiffany Farrugia tkellmet dwar kif is-sehem ta’ iktar nisa hu messaġġ favur id-demokrazija.
“Li jkun hemm iktar sehem tan-nisa fil-politika tkun qed twassal il-messaġġ u ssaħħaħ id-demokrazija ta’ Malta. Meta int għandek iktar nisa kemm fil-Parlament, fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsilli Lokali tkun qed twassal messaġġ favur l-ugwaljanza.
Fil-messaġġ tiegħu fil-bidu tas-sena l-Prim Ministru kien ċar meta fakkar li fl-2017 il-poplu ta mandat li jixtieq iżjed nisa involuti fil-politika Maltija,” qalet Farrugia.
Kristina Fenech, studenta tal-Masters ukoll parteċipanta ta’ Lead tkellmet dwar kif “is-sehem tan-nisa fil-politika għandu implikazzjonijiet mifruxa.
Iktar drittijiet tan-nisa tfisser iktar drittijiet għal kulħadd. Inħares lejn il-messaġġ tal-Prim Ministru b’ottimiżmu kbir.
Il-Prim Ministru dejjem ħadem għall-ugwaljanza fil-pajjiż,” żiedet Fenech li rrimarkat kif din hi inizjattiva f’ħolqa ta’ attivitajiet favur soċjetà iktar ġusta.
Mirian Ferrito, parteċipanta kwalifikata fil-psikoloġija, qaltilna li “s-sehem tan-nisa fil-politika huwa importanti għax in-nisa għandhom kwalitajiet u perċezzjonijiet differenti u biex ikollna Parlament li jirrappreżenta s-soċjetà Maltija għandna bżonn Parlament li jirrappreżenta lil kulħadd.”
Filwaqt li Tiziana Borg, bloger u kwalifikata fl-edukazzjoni, fakkret kif l-irġiel ilhom żmien twil jiddominaw id-dinja politika.
“Il-fatt li qegħdin nissieltu biex ir-rappreżentanza tan-nisa tiġi fisseħħ hija xi ħaġa importanti u se naraw il-frott tagħha b’mod konkret. Irrid ngħid li s-sehem tan-nisa fil-politika huwa importanti ħafna għaliex meta tqis li s-soċjetà hija magħmula minn nies differenti huwa importanti li jkollok rappreżentanza li tinkludi lil kulħadd, speċjalment meta ġejjin minn snin kbar fejn il-maġġoranza tar-rappreżentanza hi mill-irġiel.”