Fi żmien meta ta’ bla ħsieb beda jintuża aktar it-teleworking u ħareġ ċar kemm huwa ta’ benefiċċju għal min iħaddem u għall-impjegati, tnediet skema ta’ teleworking għall-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu fis-settur privat f’Malta.
B’din l-iskema, mhux biss se jingħataw inċentivi lil min iħaddem biex inaqqsu l-ispejjeż tal-kumpanija, imma se jonqos sew l-iskariġġ tal-ħaddiema Għawdxin li jaqsmu l-fliegu kuljum.
Kull kumpanija tista’ tingħata benefiċċju sa massimu ta’ 10 ħaddiema fis-sena.
Il-fond se jinqasam fuq żewġ binarji – rifużjoni parzjali ta’ 75% sa massimu ta’ €850 fuq spejjeż ta’ apparat teknoloġiku għal kull impjegat, u rifużjoni tal-pagi sa massimu ta’ €10,000 fuq medda ta’ 3 snin. Dawn tal-aħħar jiġu offruti fuq bażi pro-rata skont l-ammont ta’ ġranet fil-ġimgħa li l-impjegat ikun assenjat telework.
Il-kumpaniji li joffri l-faċilità ta’ xogħol mid-dar fit-tul se jkollhom rifużjoni annwali fl-ewwel u t-tieni sena ta’ 3,000, u fit-3 sena sa massimu ta’ €4,000.
Ir-rifużjoni tas-salarji tingħata wara l-1 sena ta’ ħidma bit-telework, u r-rifużjoni parzjali fuq l-apparat tekniku jingħata meta l-applikazzjoni tiġi milqugħa mill-Ministeru għal Għawdex skont il-linji gwidi stabbiliti.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, innota ż-żmien opportun li t-telework ikompli jiġi mħeġġeġ permezz ta’ din l-iskema.
Il-Ministru Camilleri stqarr: “Inkomplu ninkoraġġixxu, anki issa wara l-pandemija, l-użu tat-teleworking però aktar minn hekk inkunu qegħdin ninċentivawh b’mod fiskali sabiex fl-aħħar mill-aħħar nagħmlu użu aħjar mill-workforce li għandna ġewwa Għawdex, użu aħjar però wkoll keeping in mind biex ngħidu hekk, il-kumdità u n-nuqqas ta’ skariġġ li l-ħaddiem Għawdxi jkolli jagħmel biex jaqsam lejn Malta.”
Ritratti: MGOZ