Il-Gvern għadu kif wettaq wegħda elettorali oħra meta t-Tlieta filgħodu qassam €25,000 f’fondi lil 11-il santwarju tal-annimali. Dawn il-fondi koprew l-ispejjeż relatati ma’ servizzi ta’ veterinarji li kellhom bżonn l-annimali li jgħixu fl-imsemmija santwarji.
Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri spjega kif din il-miżura hija ntiża sabiex tkompli ttejjeb l-operat tas-santwarji. Huwa kompla billi qal li din is-sena ċ-ċifra mistennija titla għal €80,000, biex b’hekk dawn is-santwarji jkollhom flus għal proċeduri mediċi kumplessi, kif ukoll trattament fl-isptar tal-annimali f’Ta’ Qali:
“F’Malta għandna diversi santwarji tal-annimali li permezz tat-twettieq ta’ din il-wegħda elettorali qegħdin inkopru l-ispejjeż tagħhom kollha fejn jidħlu servizzi veterinarji, però nifhmu wkoll li jkun hemm ċertu każi li jqum ferm aktar flus u għal daqs tant fejn il-veterinarji tagħna jaraw li jkun hemm nefqa sostanzjali, operazzjoni sostanzjali biex ngħidu hekk. Dawn ser imorru għand l-APH Hospital u l-Gvern se jkun qed iħallas ukoll għal dawn l-operazzjonijiet”.
Jane Debono, rappreżentanta mis-santwarju tal-annimali Tomasina spjegat kif huma jonfqu aktar minn mija u tletin ewro kuljum għalekk hija ta’ għajnuna kbira li l-Gvern qed ikopri l-ispejjeż relatati mal-veterinarji:
“Għandna 300 qattus. Dawk meta jidħlu ġodda trid isewwi, tirreġistra, u trid tlaqqamhom. Dawk apparti il-€150 l-oħrajn spejjeż ta’ kuljum. Veru għandna bżonn il-flus. Bħal dan veru aħna napprezzaw ħafna għax jgħinek ma taqtax qalbek biex inti tkompli tħares ‘il quddiem. Aħna mhux għalina iżda għall-annimali”.