Gamri Sciberras, anzjan ta’ 71 sena mill-Mellieħa, weħel multa t’elf ewro wara li nstab ħati li minħabba sewqan traskurat, ikkawża ġrieħi lil Giovanni Calleja.
Il-każ seħħ fi Frar tal-2014, meta waqt li Sciberras kien ipparkjat u beda jsuq b’lura biex joħroġ, għadda minn fuq il-vittma bil-karozza, wara li dan tal-aħħar kien qed jaralu, u kif rah riesaq lura, tgerbeb fil-bankina.
L-akkużat argumenta li għafas il-gass fuq il-brejk bi żball, u li l-inċident seħħ għax tah ħass ħażin x’ħin beda jsuq.
Wara li semgħet diversi verżjonijiet, il-Qorti nnotat li l-anzjan Mellieħi kien konxju tal-kundizzjonijiet mediċi li jsofri minnhom, u li wara l-inċident kien ta l-liċenzja tas-sewqan lill-awtoritajiet u ma baqax isuq.
Minbarra l-elf ewro multa, l-anzjan ġie ordnat iħallas ftit aktar minn elf ewro oħra spejjeż tal-Qorti.
Jekk ma jħallasx dawn l-amonti fi żmien sena, il-piena tiegħu tinbidel f’waħda ta’ ħabs.