Fit-tieni logħba mill-Kampjonat tad-Dinja tal-Waterpolo U16, Malta sofriet telfa minima ta’ 12-11 kontra r-Rumanija fil-pixxina nazzjonali Tal-Qroqq. Kienet logħba b’żewgt uċuħ għall-plejers maltin immexija mill-kowċ Jonathan Valletta. Wara bidu ħażin, tant li sa nofs il-logħba il-maltin kienu 8-4 minn taħt, il-plejers żgħażagħ tagħna wettqu reazzjoni kbira lejn l-aħħar u marru 10-9 minn fuq.
L-ewwel sessjoni intemmet fi draw ta’ 2-2, bit-tieni sessjoni tkun waħda negattiva għall-maltin tant li tilfu 4-0.
Reazzjoni fit-tielet sessjoni li ntrebħet mit-team malti 4-2. Bilanċ fl-aħħar sessjoni li rat lill-aversarji jirbħu 5-4 b’penalty ta’ Ru Paladiciuc minuta mit-tmiem.
B’hekk sa issa l-maltin kisbu rebħa u telfa minn grupp H u għandhom bżonn jirbħu lill-Greċja fl-aħħar logħba tal-grupp sabiex jgħaddu għall-fażi li jmiss.
Il-goals ta’ Malta kontra r-Rumanija waslu minn: Shailon Cutajar Casha 5 goals / Sam Engerer 3 goals / Andre’ Aquilina 2 goals / Max Lanzon 1 goal.
F’logħba oħra mill-istess grupp Greċja għelbu lill-Kazakhstan 12-7.
(Photo Credit: Timmy Cutugno)