It-team nazzjonali malti tal-waterpolo tilef it-tieni logħba tiegħu minn Grupp B tal-Kampjonat tal-Ewropa bl-iskor ta’ 25-6 kontra l-Greċja. Kif jixhed ir-riżultat kienet logħba diffiċli għall-maltin kontra wieħed mill-pajjiżi favoriti li jirbħu dan il-kampjonat u li sena ilu kienu anke waslu sal-finali tal-logħob olimpiku f’Tokyo.
Il-griegi kienu ġejjien minn draw ta’ 12-12 kontra Franza fl-ewwel logħba tagħhom. Huma kellhom bżonn il-goals f’każ li dawn ikunu determinanti għal min jgħaddi għall-fażi li jmiss. Min-naħa tagħhom il-maltin kienu ġejjien minn telfa kontra l-Kroazja 19-5.
Logħba fejn il-kowċ malti Karl Izzo beda bil-goalkeeper Nicholas Grixti minflok Jake Tanti. Tanti li mbgħad daħal fit-tielet sessjoni. Izzo fir-raba’ sessjoni uża l-plejers kolha maltin.
Għal Malta skorja tliet darbiet Matthew Zammit, biex issa tella’ t-total personali ta’ goals għal sitta. Ben Plumpton, Jeremy Abela u James Gambin skurjaw goal kull wieħed.
Il-logħba bdiet hażin għal Malta hekk kif l-avversarji ħarġu rebbieħa 7-1. L-uniku goal malti ġie skurjat minn Matthew Żammit. Diffiċli wkoll it-tieni sessjoni, bil-griegi jirbħu 6-2, b’Ben Plumpton u Jeremy Abela jiskorjaw l-goals maltin.
Il-maltin żiedu r-ritmu fit-tielet sessjoni, sessjoni li intrebħet mill-avversarji tagħna bi skor ta’ 4-1. Matthew Żammit skorja għal Malta.
Il-qawwa griega dehret ukoll fl-aħħar sessjoni hekk kif rebħu 7-2, b’Matthew Żammit u Jamie Gambin jiskorjaw iż-żewġ goals ta’ Malta.
L-aħħar logħba għal Malta minn Grupp B se tkun nhar il-Ġimgħa kontra Franza fit-15:30. Imbagħad it-team malti jkun jonqsu l-logħob ta’ klassifikazzjoni.
L-indikazzjonijiet huma li t-team malti aktarx jilgħab għat-13 jew l-14-il post.