San Ġiljan JP Projects ikkonfermaw ruħhom bħala ċ-champions tal-Kampjonat Premier tal-Waterpolo meta fil-Pixxina Nazzjonali Tal-Qroqq, it-Tnejn filgħaxija rebħu wkoll it-tieni logħba tal-play offs tal-finali meta għelbu lil Neptunes Videoslots bl-iskor ta’ 13-7. Għal San Ġiljan dan kien it-13-il kampjonat mirbuħ minnhom fl-istorja u b’hekk rebħu wkoll l-unuri kolha tal-waterpolo lokali matul din is-sena.
San Ġiljan, immexxija mill-kowċ Zeljko Kovacic, kienu ġejjin mir-rebħ tal-ewwel logħba tal-play offs is-sibt filgħaxija bi skor ta’ 12-10. Kuntrarju għal dik tas-sibt, fit-tieni logħba San Ġiljan kienu aktar fil-kmand.
L-ewwel sessjoni kienet waħda bilanċjata u spiċċat fi draw ta’ 2-2. Il-goals ta’ San Ġiljan waslu minn Maro Jojovic u Jake Bonavia filwaqt li għal Neptunes skurjaw Steve Camilleri u Filip Filipovic.
San Ġiljan żiedu r-ritmu u rebħu t-tieni sessjoni 4-2. Il-goals ta’ San Ġiljan waslu minn dopjetta ta’ Andreas Galea u Ben Plumpton. Il-goals ta’ Neptunes ġew skurjati minn Sam Gialanze u Jake Muscat.
Il-ġiljaniżi rebħu wkoll it-tielet sessjoni, din id-darba 2-0, b’żewġ goals ta’ Aaron Younger.
San Ġiljan issiġillaw ir-rebħa fl-aħħar sessjoni, sessjoni li rebħu 5-3. Għal San Ġiljan il-goals waslu minn Maro Jokovic, Nikolai Żammit, Andreas Galea u dopjetta ta’ Ben Plumpton. Għal Neptunes skurjaw Alec Fenech u Jake Muscat.
Fi tmiem il-logħba saret il-preżentazzjoni tat-tazza mill-president tal-ASA Karl Izzo lill-captain ta’ San Ġiljan Matthew Żammit.
Intant qabel din il-logħba intlagħbet l-ewwel logħba mill-play offs għar-rebħ tal-Kampjonat tal-1 Diviżjoni bejn Birżebbuġa Freeport u Marsaxlokk Brown’s. Birżebbuġa ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 9-6. It-tieni logħba issir nhar l-erbgħa fis-18:30.