It-team nazzjonali malti tal-waterpolo tal-irġiel ta’ taħt id-dsatax -il sena ikkwalifika għall-fażi finali tal-Kampjonat tal-Ewropa hekk kif is-sibt filgħaxija rebaħ it-tieni logħġba tiegħu mit-turnament ta’ kwalifikazzjoni kontra l-Polonja.
F’Lodz, it-team malti għeleb lill-pajjiż li qed jospita dan it-turnament bl-iskor kbir ta’ 11-4.
Il-plejers maltin kienu fi klassi għalihom u rebħu s-sessjonijiet kollha rispettivament 3-0, 3-1, 3-2 u 2-1.
L-iskorers għal Malta kienu Alec Fenech b’erba’ goals, Jake cachia u Jayden Cutajar bi tliet goals filwaqt li Kieyan Borġ skorja goal.
B’hekk Malta, taħt it-tmexxija tal-kowċ Niki Lanzon u l-assistent Michele Stellini, tinsab ċerta mir-rebħ ta’ Grupp Ċ wara li l-Ġimgħa l-plejers malti rebħu l-ewwel logħba kontra s-Slovakkja.
L-aħħar logħba tat-turnament ta’ kwalifikazzjoni tkun il-Ħadd filgħodu kontra l-Bulgarija.
(Photo Credit: Timmy Cutugno)